![]() |
Ritratt: MayAnne flimkien ma' żewġha Alex Perici Calascione |
1. X’kienet
ir-reazzjoni tiegħek xħin ġie qallek li se jikkontesta għall-Kap tal-Partit
Nazzjonalista?
Inzerta li konna flimkien ħerġin
mid-Dar Centrali meta rċieva telefonata minn wieħed mill-Membri tal-Parlament
biex ikellmu fuq dil-kwistjoni u dak il-ħin qalli li kien ilu xi ftit jiem
b’numru ta’ persuni jkellmuh biex jikkunsidra li joħroġ. Kien għadu ma semma
xejn għaliex kienet deċiżjoni li kienet għad trid tittieħed. L-ewwel
reazzjoni tiegħi kienet biss li nistaqsih jekk kienx qies kollox u jekk ħasibhiex
sew. Wara li tkellimna ftit u indunajt li, kif fil-fatt jagħmel dejjem, kien ħaseb
fl-aspetti kollha, ftehemna għalhekk li flimkien inkellmu lit-tfal.
2. Kemm domt taħseb fuqha biex tajtu
r-reazzjoni tiegħek?
Ir-reazzjoni tajthielu mill-ewwel u
b’mod naturali. Wara 31 sena żwieġ drajna xi ftit lil xulxin u għalhekk naf
illi f’ċirkostanza bħal din, kien ikun diġà ħaseb fit-tul u kkunsidra kollox.
3. Tkellimt ma’ xi ħaddieħor tal-familja?
Aħna tkellimna flimkien mat-tfal għaliex
naturalment hija deċiżjoni li bilfors tinvolvi b’xi mod lill-familja.
4. Kieku għedtlu ‘le’ taħseb li xorta
kien jikkontesta?
Matul dawn is-snin kollha li ilna
flimkien dejjem ħallejna spazju lil xulxin u tajna appoġġ lil xulxin – speċjalment
fejn wieħed minna jkun jew jixtieq jew determinat li jagħmel ħaġa. Għalhekk,
bejn minħabba f’hekk u minħabba wkoll li ilu għal dawn l-aħħar snin
b’involviment qawwi bħala uffiċjal tal-Partit, naħseb li minkejja l-fatt li din
hi deċiżjoni importanti ħafna, ma kontx ngħidlu le.
5. Konxja
li jekk isir hu Kap tal-Partit Nazzjonalista, inti se ssir persuna pubblika jew
aktar pubblika? U kif tħares lejha din?
Naf minn dak li rajt direttament
f’dawn is-snin li Alex ilu involut fil-politika, li kariga bħal din tfisser
ukoll li l-lenti pubblika ma taqax biss fuq il-Kap innifsu. Din hija responsabbilità
li tiġi mal-kariga u għalhekk hija responsabbilità illi, b’ċerta maturità,
inkun irrid naċċetta u naqdi mill-aħjar li nista’. Bħal ħafna ċirkostanzi oħra
fil-ħajja, ixxammar il-kmiem, tmidd għonqok għax-xogħol, tkun lesta li tieħu
l-pariri fejn meħtieġ u ma tħalli lil ħadd u xejn jitla’ għar-rasek.
![]() |
Ritratt: MayAnne Perici Calascione |
6. Fil-kampanja
qed tagħtih xi pariri? Jeħodhom?
Sinċerament le. Għandu l-Campaign
Team li jaħdem u hu jieħu d-deċiżjonijiet magħhom. Bħala regola ngħaddi xi
kumment dwar jekk xi artiklu jew xi intervista jkunux laqtuni jew le u b’hekk
nagħtih reazzjoni oġġettiva ta’ min ikun qed jaqra jew jisma’.
7. Jekk
isir Kap tal-Partit Nazzjonalista, tħoss li inti jkollok iżżomm ċerti ħsibijiet
għalik ‘biex ma tinħoloqx sitwazzjonijiet imbarazzanti’?
Il-fatt li llum nafu lil xulxin sew,
jagħmilni ċerta li sitwazzjoni bħal din ma tantx tinqala’. Xtaqt ngħid ħaġa fuq
dil-kwistjoni. Ilni nsegwih ukoll fl-involviment politiku tiegħu matul dawn
is-snin, u matulhom iltqajt u għadni niltaqa’ ma’ ħafna u ħafna persuni li jagħtu
qalbhom u l-enerġija kollha tagħhom, ukoll b’sagrifiċċju kbir, għall-Partit. Għalhekk
għalija huwa ċar ħafna li sew min ikun qiegħed imexxi l-Partit u kif ukoll min
ikun maġenb min qed imexxi, għandhom dejjem iżommu f’moħħhom illi żball tagħhom
ibatuh l-ewwel proprju dawn in-nies kollha li jiddedikaw ħajjithom għall-Partit.
Din fiha nnifisha hija responsabbilità kbira li għandha wkoll tiggwida l-mod
kif inġibu ruħna.
Insemmi tliet karatteristiċi li mmarkawh
f’kull rwol li fdalu l-Partit s’issa u li tant huma parti mill-karattru tiegħu.
(i) Lealtà u dedikazzjoni assoluta lejn il-Partit, li hu jrid jarah dejjem magħqud
u sod; (ii) Sens ta’ responsabbilità qawwi ħafna għal kulma jidħol għalih u
(iii) Determinazzjoni soda li jerġa’ jara l-Partit fil-post fejn minn dejjem għamel
tant ġid lil Malta u Għawdex.
9. Inti
li tafu daqshekk mill-qrib tista’ tgħidilna xi ħaġa li kważi ħadd ma jaf dwaru?
10. Iġri tgħaddi jew iġri
tasal?
Iġri tasal u tgħaddi ħalli bl-għajnuna
t’Alla u bil-ħidma ta’ kulħadd, inkomplu bil-ħidma meħtieġa.
Il-Ġimgħa li għadda Xarabank bagħat dawn il-mistoqsijiet lin-nisa kollha tal-kandidati li qed jikkontestaw għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
No comments:
Post a Comment