best deal

Tuesday, 22 August 2017

BIL-FILMAT: Il-bewsa ta' Ben u Peppi


Kieku f'Malta għandna l-kultura li nagħtu isem lis-celebrity couples, kieku wara lbieraħ filgħaxija nistgħu ngħidu li għandna koppja ġdida - Peppen - Peppi u Ben.

Dan għaliex ilbieraħ Ben u Peppi dehru jbusu lil xulxin mouth to mouth fuq it-televixin. Tista' tara l-filmat ta' kif ġrat hawn taħt.

L-istorja kollha bdiet meta Ben stieden lili u lil Peppi biex immorru fuq il-programm Tnejn Tnejn, li jagħmel kull nhar ta' Tnejn filgħaxija fuq ONE. F'dan il-programm jistieden diversi personalitajiet, u jistedinhom tnejn tnejn.

Fil-programm tal-bieraħ kien imiss lilna u fost l-oħrajn tkellimna fuq il-hate comments li jinkitbu dwarna fuq l-internet, qajjimna argument fuq iż-żewġ pitturi ta' Peppi, rajna l-invit tat-tieġ ta' Peppi u Mandy, tkellimna fuq il-famuża verġinità tiegħi, ġagħluni nagħżel tfajla li togħġobni waqt logħba li għadni s'issa nistħi li lgħabtha, u wara li għażilt lil Valentina Rossi, ċemplulha minn wara dahri u kelli nkellimha ġo nofs il-programm. Qatt ma naf li spiċċajt bla kliem quddiem camera. Imma lbieraħ lanqas kelma waħda ma stajt ngħid.

Lgħabna wkoll diversi logħob, fosthom logħba li fiha Peppi spiċċa faqa' żewġ bajdiet friski ġo nofs wiċċu, ħaġa li qatt ma bsart li se tiġri imma li għal xi raġuni ħassejt sodisfazzjon kbir meta rajtha.
.


Il-famuża bewsa bejn Peppi u Ben seħħet waqt waħda mil-logħbiet. Ben qabad jistaqsini fuq il-bewsa li kont bist lil Peppi fuq it-televixin u bid-daħka ta' wieħed li kien ilu jippjanaha minn filgħodu qalli biex nerġa' nbusu.

Dak il-ħin jien ftakart li fil-bidu tal-programm, Ben kien introduċa lil Peppi billi qal li "jħobbu." Kien qed jirreferi għall-ammirazzjoni li għandu lejh bħala personalità. Ftakart f'dak il-mument, u dik kienet it-tibna li qbadt magħha biex ma nerġax negħreq. U għedtlu:

"Għax ma tbusux int?! Fil-bidu tal-programm mhux int għedtlu li tħobbu?!" U balleċ biesu. Mhux darba, imma darbtejn, u t-tieni darba kienet partikolarment twila. Lil Ben Camille qatt ma rajtu jagħsar għajnejn daqsekk bis-saħħa.

Kif wieħed jista' jimmaġina, jiena għandi kull interess li nkabbar din l-istorja kemm nista', anke għaliex issa hemm persuna oħra barra jiena u Mandy, li bisna lil Peppi. Allura dalgħodu tkellimt ma' Kristina, li hija l-mara ta' Ben, u staqsejtha x'ħasset meta rat dik il-bewsa. Staqsejtha wkoll jekk bdietx tgħir.

"Mela l-ewwel joqgħod jaqbad miegħi għax Ben ikollu l-kissing scenes man-nisa fuq Strada Stretta, u issa qed ibusli lir-raġel hu!" qaltli Kristina, li ma setgħetx tieqaf tidħak meta rat dik ix-xena.

Kristina kienet qed tirreferi għal storja li ġrat f'Xarabank is-sena l-oħra. Mela aħna konna stedinna lilha u lil Ben biex jitkellmu fuq it-tieġ f'Xarabank. U għall-bidu kienet vera diffiċli biex nipperswaduha tiġi fil-programm, għax hija tfajla mistħija u ġenwinament ma tħobbx tidher. Fl-aħħar ikkonvinċejnieha u Peppi xtaq jaqbad ftit magħha waqt l-intervista u staqsieha jekk tgħirx meta tara lil Ben ibus nisa oħra fuq Strada Stretta. Dakinhar, it-tweġiba li tatu ħallietna kollha ħalqna miftuħ:


U allura, meta tatni dak il-kumment kienet qed tirreferi għal dik id-darba, li jidher li baqgħet iżżommhielu fil-komma.

Staqsejtha wkoll x'ħasset meta rat lil żewġha jbus lil Peppi: "Ħeq...it-tieni bewsa damet daqsxejn iżżejjed eh!"

Insomma, dik għaddiet ukoll. Però għandi nifhem li kemm jien u kemm Ben ħloqna preċedent kbir meta bisna lil Peppi. Ejja nittamaw li l-ebda producers tal-ebda programm ieħor ma jaraw dan il-bews u jiġuhom aktar ideat biex jistednuna nitbewsu fuq il-programmi tagħhom.

1 comment:

  1. Mark ghalijja ghandek titfa l-bicca tieghek ta meta kellimt lil Valentina WKOLL haha :)

    ReplyDelete