Familja li kienet miexja bi pramm fuq bankina, ma setgħetx tagħmel użu sew minnha minħabba li l-arbli huma mwaħħlin fin-nofs.
Dalgħodu ċemplilna raġel jilmenta dwar din is-sitwazzjoni li tinsab fi triq li tagħti għall-entratura tal-Millennium Stand f'Ta' Qali. "Ilbieraħ jiena u l-familja tiegħi morna sal-attività li qed issir f'Ta' Qali. Aħna u sejrin lura, binti ma setgħetx timxi fuq il-bankina bil-pramm għaliex l-arbli huma mwaħħlin fin-nofs," jgħidilna r-raġel. Jispjegalna: "Binti minflok kellha tuża t-triq u ssograt għaliex apparti li t-triq hija mudlama, kien hemm ħafna karozzi pparkjati u karozzi oħra għaddejjin minnha."
Però l-istorja ma tiqafx hawnhekk għaliex ir-raġel jallega li l-arbli ta' dawl imwaħħlin f'nofs din il-bankina ma jaħdmux. "Mhux talli l-arbli twaħħlu fin-nofs ta' din il-bankina, talli dawn l-arbli għalxejn qegħdin hemm għax ma jixegħlux. Spiċċajna kellna nużaw it-torch tal-mowbajl biex insibu t-triq lura lejn il-karozza," jgħidilna r-raġel.
Jappella lill-awtoritajiet: "Bejn l-arbli u n-nies, sippost tagħżlu n-nies."
No comments:
Post a Comment