Thursday, 17 August 2017
Dan il-grupp ta' 35 Maltin qegħdin Barċellona u kienu 3 minuti bogħod minn fejn seħħ l-attakk
Grupp ta' 35 Malti u Maltija bħalissa jinsabu għal vaganza f'Barċellona, u fil-mument li seħħ l-attakk terroristiku llum waranofsinhar, il-Maltin kienu qegħdin tliet minuti bogħod minn fejn il-vann abjad saq għal fuq in-nies.
Aħna tkellimna bit-telefown ma' Joseph Testa, li huwa t-tour leader tal-grupp u qalilna minn xiex għaddew u x'ħassew.
Dak il-ħin li seħħ l-attakk, it-tour leader Malti kien qed jistenna l-grupp jinġabar fil-coach biex joħodhom lura l-lukanda.
"Konna litteralment wara l-kantuniera minn fejn seħħ l-attakk," qalilna Joseph. "U dak il-ħin kont qed nistenna erba' persuni mill-grupp ġejjin proprju minn dik il-pjazza fejn seħħ l-attakk."
Joseph jirrakkonta li dak il-ħin ħass xokk kbir, għax f'idejh kellu r-responsabbiltà ta' ħafna nies li seta' ġralhom xi ħaġa. U qalilna li sakemm ra l-grupp kollu miġbur fil-coach, qalbu ma setgħetx tistrieħ.
"Kien hawn, u għad hawn stress kbir fil-Belt. Kulħadd jimxi mbeżża' u l-forzi tal-ordni qalulna biex kemm jista' jkun nibqgħu ġewwa."
Forsi waħda mill-aktar affarijiet tal-biża' hi li lbieraħ, eżatt fil-ħin tal-inċident, il-grupp kollu kien eżatt fil-pjazza fejn illum seħħ l-inċident.
"Kieku l-attakk kien pjanat li jseħħ ilbieraħ kien isib il-Maltin kollha hemm," qalilna Joseph, li sakemm kellimnih kien jinstema' li għadu ma ġiex f'tiegħu.
Għalkemm ma weġġa' ħadd, ix-xokk fost il-Maltin huwa evidenti. Ħafna minnhom qed iċemplu lill-familjari biex jgħidulhom li huma jinsabu safe, uħud minnhom qed jibżgħu jidħlu fiċ-ċentru tal-belt u Joseph stess qalilna li issa jrid ibiddel daqsxejn il-pjanijiet li kellu għall-jiem li ġejjin.
Għall-ħabta tal-5:30pm tal-lum, il-Pulizija Spanjola kkonfermat li seħħet ħabta kbira fiċ-ċentru tal-Belt. Il-Pulizija kkonfermat ukoll li diversi nies weġġgħu. Aktar tard sar magħruf li dan kien attakk terroristiku. Vann abjad tela' fuq il-bankina u saq għal fuq in-nies li kienu qegħdin fi pjazza enormi jisimha Las Ramblas. Il-vann baqa' sejjer u ħarab minn fuq il-post.
Xufier ta' taxi li ra kollox qal li l-vann kien għaddej b'veloċità kbira u beda jiknes lil kull min isib quddiemu.
Sakemm qed nippubblikaw dan l-artiklu jidher li nqatlu żewġ persuni u ħafna oħrajn ġew feruti gravi.
Ritratti: Daily Express, Sky News
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment