best deal

Monday, 14 August 2017

Dan Mario...u daħal jagħmel l-eżami ta' ħuh it-tewmi Leli


Dawn Mario u Leli. Tewmin. Għandhom 52 sena. U meta kienu iżgħar, Mario daħal jagħmel eżami ta' ħuh Leli, u ma nduna ħadd!

Mario u Leli jaħdmu ma' Paul Target u bħalissa qegħdin jaħdmu fuq xi partijiet ġodda li se nkunu qed indaħħlu fis-sett ta' Xarabank għall-iskeda l-ġdida.

Staqsejthom jekk qattx jitfixkluhom ma' xulxin. "Ġieli ta, għax bqajna nixxiebhu," qaluli.

U meta kienu żgħar ġieli gawdew minn xi privileġġ ladarba t-tnejn huma kopja ta' xulxin? Iwieġeb Mario: "Ijwa ta...darba għamilna waħda goffa nsomma."

Jirrakkuntaw li fil-familja kienu 11 aħwa, u kienu pjuttost fqar. Kellhom sett tat-technical drawing wieħed li kien jintiret minn tifel għall-ieħor. Meta waslu għat-tewmin, Mario u Leli kellhom jagħmlu l-eżamijiet flimkien u ma kellhomx biex jixtru sett ieħor tat-techincal drawing. Allura x'għamlu? Applikaw it-tnejn għall-eżami, imma dakinhar tal-eżami mar Mario biss. Miegħu ħa s-sett tat-technical drawing u ż-żewġ ID cards - tiegħu u taħ ħuh.

L-ewwel daħal jagħmel l-eżami bl-ID card fuq ismu. Għaġġel kemm felaħ, lesta, ħareġ mill-eżami u bl-ID card ta' ħuh Leli reġa' daħal jagħmel l-istess eżami tat-technical drawing.

"X'ħin mort biex nidħol għat-tieni darba għamiltha tabirruħi li wasalt tard u ħallewni nidħol," jirrakkonta Mario bi tbissima.

"Għaddejtu?" staqsejthom. "Għaddejna t-tnejn li aħna, imma l-isbaħ waħda hi li fl-eżami li għamilt f'isem ħija mort aħjar, u ħija spiċċa b'marka aħjar minn tiegħi!" qalli Mario.

Jirrakkuntaw kif ilhom jaħdmu ma' Pawlu Target għal dawn l-aħħar ħames snin. "Pawlu Target jimpressjonana għax kull ħaġa li jivvinta u li naħdmu fuqha aħna, jitkellem fuqha bħala team. U dan aħna napprezzawh ħafna."

Ma kellniex ċans nitkellmu fit-tul ħafna, għaliex Mario u Leli qabdu l-għodda biex jitilqu. "Ħa mmorru nkomplu għax jekk se nibqgħu nparlaw, is-sett ta' Xarabank mhux se jkun lest sa Ottubru."

Kitba: Mandy Micallef Grimaud

Ritratt tal-faċċata: Mario u Leli mal-imgħallem tagħhom Paul Target. Ma nafux eżatt min hu Mario u min hu Leli għax anke aħna għadna qed nitħawduhom.

No comments:

Post a Comment