Li tmur iżżur Disneyland Paris diġà hija ħolma pjuttost kbira li ħafna nies għadhom ma rnexxielhomx iwettqu sal-ġurnata tal-lum. Imma li tmur Disneyland Paris bħala attur jew żeffien hija ħolma ħafna ikbar li ftit huma dawk in-nies fid-dinja li għandhom il-privileġġ li jniżżluha fis-CV tagħhom bħala waħda mill-affarijiet li għamlu.
Ma' dawk il-ftit nies, issa se jiżdiedu grupp ta' 42 żeffiena Għawdxija li lbieraħ taw spettaklu ta' żfin f'wieħed mill-isbaħ u l-ikbar teatri f'Disneyland. U hawn taħt tista' tara l-ewwel filmati minn dan l-ispettaklu.
Iż-żeffiena tas-Centre Stage Dance Academy lbieraħ ġew mistiedna biex jagħmlu spettaklu ta' żfin ġewwa l-Videopolis f'għeluq il-25 sena mill-ftuħ tal-park ta' Disneyland. Il-Videopolis huwa l-ewwel teatru li nbena f'dan il-park 25 sena ilu, u f'dawn il-25 sena ġo fih saru shows klassiċi ta' Disney, fosthom il-Lion King, Mulan u Beauty and The Beast.
Iż-żeffiena Għawdxin kellhom jagħmlu audition biex intagħżlu, u kif tispjega Natalie Sciortino, li hija d-Direttur ta' din l-iskola, xejn ma kienet faċli li tikkompeti ma' gruppi ta' żfin minn madwar id-dinja kollha.
B'kollox intagħżlu tliet skejjel - l-iskola Għawdxija u żewġ skejjel Ingliżi, u ġew magħżula minn uffiċjali ta' Disneyland stess. B'kollox, ix-show kienet twila 25 minuta u kif wieħed jista' jara mill-filmat kien fiha taħlita ta' stili ta' jazz modern, żfin liriku, u żfin mal-mużika ta' Bollywood.
![]() |
It-Teatru Videopolis kif jidher minn barra |
"Li niżfnu ġo teatru ta' Disney quddiem udjenza daqsekk sabiħa u kbira, hija unur kbir għalija u għaż-żeffiena tiegħi," qaltilna. "Għal din l-avventura għażilna dan is-slogan - One Team, One Dream - u konna definittivament tim wieħed b'ħolma waħda li flimkien irnexxielna nagħmluha realtà."
Iż-żeffiena ta' din l-istess skola diġà żifnu darbtejn oħra f'avvenimenti kbar barra minn Malta. Għal sentejn wara xulxin żifnu fid-Dance Proms li jsiru kull sena fir-Royal Albert Hall, f'Londra.
No comments:
Post a Comment