Saturday, 12 August 2017
ESKLUSSIVA: Godfrey Farrugia jista' jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Demokratiku
Jista' jkun li minn Ottubru li ġej, Dr Godfrey Farrugia jkun il-Kap il-Ġdid tal-Partit Demokratiku.
Dan wara li ftit tal-ħin ilu fuq Facebook, il-partner tiegħu u l-fundatriċi tal-PD, Dr Marlene Farrugia, ħabbret li se tissejjaħ Elezzjoni f'Ottubru li ġej biex jintagħżel Kap ġdid tal-Partit Demokratiku. Dr Farrugia ħabbret ukoll li mhix se tkun qed terġa' tikkontesta, la għal kariga ta' kap u lanqas għall-ebda kariga oħra fl-eżekuttiv tal-Partit.
Minn xħin ħarġet din l-aħbar, sorsi infurmati qrib il-Partit Demokratiku qalulna li l-partner ta Marlene Farrugia, it-tabib Godfrey Farrugia, qed jitħajjar joħroġ għall-kariga ta' Kap tal-Partit.
Aħna kkuntattjajna lil Dr Godfrey Farrugia u qalilna hekk: "Ma neskludi xejn. My options are open, u iva, ma neskludix li nikkontesta għall-kariga ta' kap tal-Partit."
Lil Dr Farrugia staqsejnieh ukoll għalfejn se jkun qed jirreżenja kulħadd mit-tmexxija tal-PD. Staqsejnieh: It-tmexxija tal-PD se tirreżenja għax qed tħoss li falliet?
It-tweġiba tiegħu: "Inti taħseb li l-PD falla? Il-Partit Demokratiku għamel suċċess kbir, għax f'inqas minn sena minn meta twaqqaf irnexxielu jikseb biżżejjed appoġġ biex tela' fil-Parlament. Żgur li m'aħniex se nirriżenjaw minħabba xi falliment. Anzi...il-fatt li rriżenjajna juri li l-interess tagħna huwa Malta, u mhux is-suċċess personali. Kieku kellna interessi personali, kieku bqajna hemm. Imma aħna għandna interess ġenwin biex pajjiżna dejjem jimxi ’l quddiem, u dik tiġi qabel kollox, saħansitra qabel il-Partit innifsu."
Dr Godfrey Farrugia rreżenja minn whip tal-Partit Laburista, u eventwalment irreżenja mill-Partit Laburista ftit ġimgħat biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, wara li fi kliemu, ħass li bħala tabib għandu jagħmel xi ħaġa biex ifejjaq lil dan "il-pajjiż marid." Dakinhar kien ingħaqad mal-Forza Nazzjonali taħt il-kappa tal-Partit Demokratiku.
Ritratt: timesofmalta.com
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment