best deal

Wednesday, 16 August 2017

Fil-marċi tal-festi qed jinbiegħ inqas alkoħol u aktar ilma, u r-raġuni mhix pożittiva


F'omelija pjuttost xokkanti li għamel ilbieraħ, l-Isqof ta' Għawdex qal li għandu l-informazzjoni li fil-festi qed jiżdied ħafna t-traffikar tad-droga. Qal li fil-marċijiet qed ikun hemm konsum qawwi ta' droga minn żgħażagħ u minn adoloxxenti taħt l-età. Qal ukoll li l-ħwienet qed jirreġistraw inqas bejgħ ta' alkoħol u aktar bejgħ ta' ilma, u dan jindika li d-droga fil-festi qed tkun ikkunsmata b'mod allarmanti u qed tkun aċċessibbli ħafna aktar milli wieħed jista' jaħseb.

L-Isqof Mario Grech qal dan fil-Katidral ta' Għawdex, waqt il-quddiesa tal-festa ta' Santa Marija. Huwa tkellem dwar il-figura ta' Marija, li fl-Apokalissi toħroġ rebbieħa fuq id-dragun, li kellu l-pjan li jeqred lilha u lil binha.

L-Isqof Grech qal li "kif dakinhar, id-dragun kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art, illum, dan id-dragun infernali qed jiknes u jwaddab mal-art lil ħafna minn uliedna fil-fjur ta' ħajjithom."

"Waqt li aħna qegħdin għall-kenn hawn ġewwa, jista' jkun li d-dragun qed iħejji biex b'denbu jolqot u jħassar lil dawk li jkunu fil-marċijiet," qal lin-nies miġbura fil-Knisja.

L-Isqof ta x'jifhem li l-aktar droga komuni fl-idejn hija l-kokaina, u wissa biex il-forzi tal-ordni jagħmlu xogħlhom biex iwaqqfu dan it-traffikar.

Aħna għamilna kuntatt ma' diversi sidien tal-ħwienet tax-xorb f'Malta u Għawdex biex naraw jekk dak li qed jgħid l-Isqof huwiex minnu. Mhux il-ħwienet kollha qablu li l-konsum tal-alkoħol naqas. Xi wħud qalulna li l-konsum baqa' kif kien. Oħrajn qalulna li nnutaw nuqqas żgħir. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tas-sidien li tkellimna magħhom ikkonfermawlna li l-bejgħ tal-ilma żdied ħafna. U dak li qalulna s-sidien tal-ħwienet Għawdxin huwa simili ħafna ta' dak li qalulna s-sidien Maltin.

Wieħed minnhom qalilna: "Ġieli rajt ġuvintur u xebbiet imdamdmin bi flixkun tal-ilma f'idejhom. Ma naħsibx li jkunu ddamdmu bl-ilma."

Ieħor saħansitra qalilna: "Niftakar żmien meta kien jibqagħlna l-fliexken tal-ilma wara li tgħaddi l-festa, għax ma nkunux bigħejniehom kollha. Issa qed inġibu l-ilma u sa qabel il-weekend ikun diġà telaq kollu."

Tkellimna wkoll ma' xi żgħażagħ li jkunu fil-marċijiet tal-festi. Filwaqt li qalulna li huma ma joħdux droga, qalulna wkoll li mhux darba u tnejn ikunu f'bar jew każin u jinnutaw kjuwijiet twal u strambi ħafna għat-toilets.

Fl-omelija, l-Isqof esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li dawn l-atti kriminali qed iseħħu f'attivitajiet u f'postijiet ispirati mill-festi li nagħmlu lill-qaddisin, u qal li t-traffikar tad-droga mhix l-unika problema. Tkellem ukoll dwar l-użura, is-serq, il-logħob tal-azzard u l-ħasil tal-flus.

"Darba wieħed qalli li meta kien imsiefer daħal f'bar jieħu kafè. Meta ħallas u talab irċevuta, tal-ħanut tah irċevuta ta' €100," irrakkonta l-Isqof waqt l-omelija, b'referenza għall-mod kif fi ħwienet bħal dawn tista' tintuża din it-tattika biex jinħaslu mijiet ta' eluf ta' ewro ta' flus maħmuġin. U kompla jwissi: "Irrid nittama li s-sistema fiskali ta' pajjiżna hija serja biżżejjed biex dawn l-abbużi ma jiġrux."

L-Isqof tkellem ukoll dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis. "Wieħed ma jiġġilidx id-droga bid-droga, lanqas b'dik li tissejjaħ droga ħafifa. Id-droga hija ħażina u m'għandna nagħmlu l-ebda ċediment jew kompromess dwar l-użu tagħha."

Madanakollu, l-Isqof qal ukoll li ma jridx jikkundanna lil min jitraffika d-droga. "Nemmen li huma wkoll jeħtieġu l-għajnuna," qal.

Saħaq ukoll li f'pajjiżna għad hawn ħafna familji tajbin, u finalment, "it-tajjeb dejjem jirbaħ fuq il-ħażin."

Ritratt: independent.com.mt

1 comment:

  1. L-Isqof ghandu ragun....u kif! Mhux sigriet li f'bosta festi tkun ikkunsmata kwantita' kbira ta' droga. Fost l-aktar f'Hal-Qormi; Zejtun; Hamrun; Birzebbugia u naturalment, Haz-Zabbar. Dan wiehed jista jinnutah facilment u bl-aktar mod miftuh. Naturalment, il-festi jsiru pjattaforma naturali ghal min jikkonsma jew imexxi d-droga, mhux tant tort ta' l-organizzaturi tal-festi, izda ghaliex kull fejn issir celebrazzjoni jew attivita' tal-massa, hemm sa ssib pjattaforma komuni. Li ma nistax nifhem zewg affarijiet: (1) ghaliex xi kumitati tal-baned qed jorganizzaw parties fil-kazini, fejn normalment dawn huma sintomatici mal-abbuz tad-droga? (2) Ghaliex l-awtoritajiet civili (Pulizija u Kunsilli Lokali) qed jaghtu permessi biex isiru bosta bars fit-toroq fuq barra li jkunu wkoll akkumpanjati min muzika b'volum gholi li m'ghandha x'taqsamm xejn mal-karattru tradizzjonali tal-festa?

    ReplyDelete