best deal

Tuesday, 8 August 2017

Frances tiżżewweġ lill-għalliem tal-privat


Frances Grima ta' 102, kienet omm ta' 4, nanna ta' 9, bużnanna ta' 20 u bużbużnanna ta' 3.


Aħna tkellimna ma' Gail Debono, proneputija ta' Frances, li tispjegalna ftit jew wisq l-istorja tal-bużnanna tagħha. Fost dawn l-istejjer se nisimgħu kif l-aritmetika wasslet lill-bużnanna tagħha tinnamra mal-għalliem tagħha, Carmelo. "Meta kellha 12-il sena, ommha u missierha għażlu lil Carmelo, li dak iż-żmien kellu 22 sena, biex jibda jagħtiha l-privat tal-aritmetika. Iżda r-relazzjoni ta' bejniethom ħadet xejra oħra. Minkejja li kien hemm 10 snin differenza bdew jinġibdu lejn xulxin! Carmelo għad jistenna seba' snin oħra, minħabba li kienet għadha taħt l-età, u meta kellha 20 sena, Frances u Carmelo ssiġġilaw l-imħabba ta' bejniethom."

Gail tispjegalna kif tiftakar lill-bużnanna tagħha bħala mara bieżla ħafna. "Meta kellha fuq it-tmeninijiet kienet għadha taħdem u kienet għadha tmur tistudja l-Università. Kienet iddedikata ħafna lejn is-St.John's Ambulance u bdiet taħdem magħhom wara l-gwerra. Fil-fatt, kienet ħabiba tagħha li ssuġġeritilha tieħu kors tal-first aid u dan wassalha biex taqbad karriera mas-St. John's. Imbagħad spiċċat għamlet iktar minn 50 sena taħdem bħala lekċerer. Is-servizz tagħha lejn l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann tant kien qawwi li ġie rrikonoxxut mir-Reġina Eliżabetta II, li għamlitha Dama, f'ċerimonja f'Buckingham Palace. Minkejja li wara waqfet tgħallem ta' 81 sena, sa 90 sena baqgħet taħdem mal-anzjani u mal-persuni bi bżonnijiet speċjali."

Gail tispjegalna kif kienet tħobb tiddiskuti magħha l-Istorja. "Il-bużnanna għexet iż-żewġ gwerer. Avolja l-ewwel gwerra ma tantx laħqitha, tiftakar il-kju għall-pitrolju u raġel iġorr qoffa mimlija ħobż biex iqassmu fid-djar. Iżda t-tieni gwerra tiftakarha sew għaliex kienet diġà miżżewġa u kellha żewġt itfal fil-gwerra. Apparti l-gwerer, kont nieħu gost nitkellem magħha dwar il-pajjiż, kif kien dak iż-żmien u kif kienu jgħixu."


Wieħed mill-iktar ritratt li tibqa' tgħożż Gail huwa dak li fih il-bużnanna tidher ma' bintha: "Aħna dejjem konna nieħu pjaċir nieħdu r-ritratti tal-erba' ġenerazzjonijiet. Malli twieldet binti saret ħamsa u għandna ritratt li fih tidher il-bużnanna tagħlaq 101 u binti ħdejha li dak iż-żmien kellha sentejn. Allura bla ma ridt ikkalkulajt li hemm 99 sena bejniethom!"

Gail tagħlaq billi tirrakkontalna l-aħħar mumenti ta' Frances: "Lejn l-aħħar kienet qed tbati imma kienet konxja ta' dak li kienet għaddejja minnu. Konna qed nistennewha u fil-fatt mietet waqt l-irqad fejn kien hemm ommi ħdejha. M'għandix xi ħaġa li xtaqt ngħidilha li m'għedtilhiex."

No comments:

Post a Comment