It-tabib u kirurgu Dr Frank Portelli qed jgħid li għandu pjan ta' kif jirbaħ lura 20,000 vot għall-Partit Nazzjonalista sal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew sentejn oħra. U jekk ma jilħaqx din il-mira, qed iwiegħed li jirreżenja.
Dan qalu waqt intervista ma' Xarabank ftit jiem qabel il-kunsilliera u t-tesserati jibdew il-proċess tal-għażla ta' Kap ġdid tal-Partit.
Fl-intervista Dr Portelli jinsisti li Daphne Caruana Galizia kienet fattur ewlieni li minħabba fiha, il-Partit Nazzjonalista tilef l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet u ta' qabilha.
"Daphne dejjem kienet negattiva. Qatt ma qalet xejn pożittiv u qatt ma għamlet proposti pożittivi. Minflok, moħħha biex tħammeġ u tkisser. F'partit immexxi minni, m'hemmx postha," jgħid Dr Portelli.
Frank Portelli jghid li Simon Busuttil inġarr xi ftit minn din il-kultura ta' negattività u wiegħed li jekk hu jkun fit-tmun, il-Partit Nazzjonalista se jkollu attitudni aktar pożittiva.
Fil-jiem li għaddew, fil-media Dr Portelli kien ikkwotat jgħid li ddispjaċih li kkontesta għall-Elezzjoni ta' Kap tal-PN. U meta mistoqsi dwar jekk jikkunsidrax li jitlaq mit-tellieqa, qal li le, imma xorta jinsab iddispjaċut għall-mod kif ġiet trattata l-familja tiegħu waqt din il-kampanja.
Fost il-ħafna proposti li qed jagħmel, waħda mill-aktar kontroversjali hi li qed jissuġġerixxi li 80% tal-immigranti li hawn f'Malta jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Meta mistoqsi jekk hux se jibgħat anke lil dawk li qed jaħdmu hawn u għandhom it-tfal li twieldu u qed imorru skola f'Malta, qal li lest idaħħal sistemi li jassiguraw li min issetilja f'Malta u qiegħed jikkontrobwixxi għas-soċjetà, ikun jista' jibqa' hawn.
Dr Portelli tkellem ukoll dwar kif beħsiebu jieqaf jimporta l-karozzi second hand u jibda jimporta l-karozzi tal-elettriku, dwar il-koalizzjoni tal-PN mal-PD u dwar liema kandidat jivvota kieku hu ma kienx fit-tellieqa.
Din l-intervista kienet parti minn sensiela ta' intervisti li Xarabank għamel mal-erba' kontestanti għall-kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kellna 17-il mistoqsija għal kull kandidat u tajniehom ċans 10 minuti biex iweġbuhom. Tista' tara l-intervisti l-oħra fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank jew fuq din il-website.
No comments:
Post a Comment