best deal

Sunday, 6 August 2017

Għalfejn dawn in-nies mhumiex qed jaqblu jekk 'burger' hijiex tajba jew le?


Inti x'tgħid: "Ilbieraħ kilt burger tajba" jew "Ilbieraħ kilt burger tajjeb?" Staqsejna lil dawn in-nies u mhux kollha jaqblu jekk hijiex tajba jew le.


Ħriġna fit-toroq tal-Belt u staqsejna lin-nies kif jirreferu għal burger, heater, bowl, cushion, burner u gearbox. Ġegħilniehom iqiegħdu kull waħda minn dawn il-kelmiet ġo sentenza biex naraw jekk jirreferux għal dawn l-oġġetti fil-maskil jew fil-femminil.

U ma qablux bejniethom. Min beda jgħid li l-burger tajjeb, u min beda jgħid li hi tajba. Min beda jgħid li l-bowl huwa mimli bil-frott u min beda jgħid li hija mimlija bil-frott. Min beda jgħid li marlu l-gearbox u min beda jgħid li marritlu l-gearbox. U tista' tarahom f'dan il-filmat:



Ir-raġuni għalfejn inħawdu daqshekk bejn il-maskil u l-femminil hija sempliċi ħafna. F'xi lingwi, bħall-Malti, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ispanjol, kull oġġett għandu ġens. Jiġifieri kull oġġett huwa maskil jew femminil. F'lingwi oħra, bħall-Ingliż, l-oġġetti m'għandhomx maskil u femminil. Fil-fatt, l-Ingliż jirreferi għall-oġġetti kollha bħala it, u mhux he jew she.

Għalhekk, meta f'Malta bdejna nitkellmu b'ħafna kliem ġej mill-Ingliż, sibna diffikultà jekk hux se nirreferu għalih bħala maskil jew femminil, għaliex fl-Ingliż m'għandux ġens. U għalhekk, kulħadd jirreferi għalih skont kif dera jisimgħu. U għalhekk dawn in-nies kollha fil-vox pop ma qablux bejniethom!

Aħna tkellimna ma' Dr George Farrugia, lettur anzjan tal-Malti fl-Università ta' Malta, li għamel riċerka sħiħa fuq dan il-fenomenu lingwistiku msejjaħ "Il-ġens Grammatikali."

Dr Farrugia jispjegalna kif fl-Għarbi, in-nom irid ikun maskil jew femminil, u l-Malti, li huwa wirt tal-Għarbi, għandu din is-sistema. Jgħidilna wkoll li l-Malti baqa' jħaddan din is-sistema anke meta ġie f'kuntatt mal-Isqalli u mat-Taljan. "L-Isqalli u t-Taljan għandhom l-istess sistema tal-Għarbi. Fil-fatt, nomi li jispiċċaw bl-ittra 'a' fl-Isqalli u t-Taljan huma femminili, bħalma nsibu fl-Għarbi. Hemm xi eċċezzjonijiet bħalma hi l-kelma 'problema', li minkejja li fit-Taljan hija maskili, fil-Malti ngħatat il-ġens femminili," jispjegalna Dr Farrugia.

Il-problema tal-ġens inħolqot meta l-Malti ġie f'kuntatt mal-Ingliż. "In-nomi fl-Ingliż m'għandhomx maskil jew femminil. Allura meta l-Malti kellu bżonn idaħħal kliem bħal ashtray u pineapple, inħolqot il-problema jekk dawn se jingħatawx il-ġens femminil jew dak maskil," jgħidilna Dr Farrugia.

Dr Farrugia jispjegalna li nom ta' nisel Ingliż jingħata ġens maskil jew femminil fuq sett ta' kriterji. "Wieħed jista' jagħti l-ġens maskil lil nom partikolari fuq il-kriterju formali. Jekk in-nom jispiċċa bl-ittra 'a' huwa femminili, filwaqt li jekk jispiċċa b'konsonanti huwa maskili." Madankollu, Dr Farrugia jgħidilna wkoll li wieħed jista' jirreferi għall-istess nom b'ġens differenti għaliex japplika l-kriterju tal-iperonimu.

"II-kelma pineapple tispiċċa b'ħoss konsonantali 'l' u minkejja li l-konsonanti jintrabtu mal-maskil, ħafna jgħidu pineapple tajba u mhux tajjeb. Dan għaliex wieħed ikun qed jassoċċja l-kelma pineapple mal-kategorija li pineapple taqa' taħtha, li f'dan il-każ hija frotta. Minħabba li l-kelma 'frotta' tispiċċa bl-ittra 'a', in-nom pineapple jingħata l-ġens femminili."

Dr Farrugia jżid jispjega li wieħed jista' jagħti ġens lil nom partikolari billi jqabblu ma' kelma ekwivalenti għalih. "In-nom bicycle, minkejja li jispiċċa b'ħoss konsonantali, ħafna nies jagħtuh l-ġens femminil għaliex dak il-ħin moħħhom jassoċjah mal-kelma 'rota' li hija ekwivalenti għall-kelma bicycle."

Imma l-mistoqsija tibqa' waħda. Liema hija t-tajba u liema l-ħażina? Dr Farrugia jgħidilna li filwaqt li hemm qbil fuq ċerti nomi bħalma hu n-nom kompjuter li għandu ġens maskil, hemm nomi oħra li għad m'hemmx qbil fuqhom, bħalma hu n-nom email. Għalhekk isostni li wieħed għandu jżomm komma wiesgħa fuq in-nomi li għadhom qed jilagħbu bejn il-ġens maskil u dak femminil.

Itemm jgħidilna li dan il-fenomenu se jdgħajjef ir-regola ġenerali: "Li huwa żgur hu li jekk nibqgħu nissellfu iktar nomi mill-Ingliż, ir-regola ġenerali li dawk li jispiċċaw b'konsonanti huma maskili u dawk li jispiċċaw b'vokali huma femminili, se tibda tiddgħajjef minħabba li qed nużaw il-kriterji l-oħra li semmejna."

Fimati u Muntaġġ: Xandru Azzopardi

No comments:

Post a Comment