Ok...mela issa għandna verżjoni ġdida, differenti minn dik li konna qed nirrappurtaw s'issa. L-Aġent Direttur tal-Ħabs, Mariella Camilleri, bagħtitilna email f'isem id-Direzzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u fiha "spjegatilna" x'ġara meta priġunier laqqat xebgħa kbira fil-Ħabs aktar kmieni dil-ġimgħa.
Din il-verżjoni hija pjuttost differenti milli konna nafu s'issa, u tnibbet mistoqsijiet ġodda.
Nhar it-Tlieta li għadda filgħodu daħlulna rapporti li kien hemm priġunier fil-Ħabs li laqqat xebgħa kbira. Issa aħna bħala Xarabank ikollna interess fi storja bħal din għax dejjem ħdimna biex titħares id-dinjità tal-priġunieri, imma f'dan il-każ, kellna interess partikolari, għaliex aħna nemmnu li dan l-inċident ġara wara storja li ħarġet fuq din il-website.
Nhar it-Tnejn filgħodu fuq din il-website ippubblikajna intervista bit-telefown minn ġol-Ħabs. L-intervista kienet ma' omm li talbet li binha, li wkoll qiegħed il-Ħabs, jitħalla jmur għall-magħmudija tat-tifla tiegħu. Dan il-priġunier mhux qed jitħalla jmur għal-magħmudija minħabba li l-uffiċjali tal-Ħabs sabu li kien qed jieħu d-droga fil-Ħabs. Tista' tara dik l-intervista hawn taħt:
It-Tlieta wara nofsinhar daħlulna rapporti li xi uffiċjali tal-Ħabs daħlu fiċ-ċella ta' dan il-priġunier, għamlulu rejd, sabulu affarijiet illegali, ħaduh f'parti oħra tal-Ħabs, u hemm laqqat xebgħa kbira. Dan ġara inqas minn 24 siegħa wara li aħna ppubblikajna l-intervista ma' ommu, u llum, wara li ilna snin twal niġġieldu għad-drittijiet tal-priġunieri, nifhmu li mhux darba u tnejn, kumbinazzjonijiet bħal dawn ma jkunu kumbinazzjonijiet xejn.
Ir-rapporti ma bdewx jaqblu għall-bidu. Min kien qed jgħid li tawh xebgħa l-uffiċċjali tal-Ħabs stess, u min kien qed jgħid li tawh xebgħa żewġ priġunieri oħra li mhumiex ta' nazzjonalità Maltija. Tajna ftit ċans biex nivverifikaw il-fatti u l-Erbgħa ħriġna update tal-istorja.
Ippubblikajna artiklu li fih għedna li għandna rapporti li laqqat xebgħa u tlabna lit-tmexxija tal-Ħabs biex iħalluna nidħlu niffilmjaw fil-Ħabs u niltaqgħu mal-priġunier biex jgħidilna x'ġara u nintervistaw lid-Direttur jew lill-Aġent Direttur tal-Ħabs dwar il-każ. Dak l-artiklu tista' taqrah hawn.
Il-Ħamis irċevejna lura mill-Ħabs. Infurmawna li ma ngħatajniex il-permess biex nidħlu niltaqgħu mal-priġunier fil-Ħabs u ma ngħatajniex il-permess lanqas biex nidħlu niffilmjaw u nintervistaw lil xi ħadd fit-tmexxija tal-Ħabs. Sadanittant sirna nafu wkoll li l-omm ma kinitx qed titħalla tara lil binha fil-Ħabs. Tista' taqra d-dettalji ta' dik l-istorja hawn.
Għalina, dan huwa każ serju ħafna, u kien għalhekk li dakinhar stess bgħatnielhom lura. Bgħatnielhom sett ta' mistoqsijiet marbuta mal-każ u tlabniehom biex almenu jwieġbu l-mistosqijiet b'email.
Il-mistoqsijiet kienu dawn:
- X'ġaralu *isem il-priġunier* nhar it-Tlieta li għadda filgħodu?
- Min tah dik ix-xebgħa?
- Kif tispjega li laqqat xebgħa kbira inqas minn 24 siegħa wara li ommu tkellmet f'intervista ma' Xarabank?
- Xi rapporti qalu li x-xebgħa tawhielu priġunieri oħra. Teskludi li dawn setgħu kienu mqabbdin minn uffiċjali tal-Ħabs biex jagħtuh xebgħa?
- Infetħet xi investigazzjoni dwar il-każ?
- Dan il-priġunier instab li kien qiegħed jieħu d-droga fil-Ħabs. Ladarba qiegħed taħt il-kustodja tagħkom, ma taħsibx li hija responsabbiltà tagħkom li 1 - daħlet id-droga fil-Ħabs u 2 - hu għadu bil-vizzju?
- Għalfejn ommu mhix titħalla tarah?
- Għalfejn in-numru ta' Xarabank 21249200 huwa blukkat mill-Ħabs?
B'din il-verżjoni jidher li d-Direzzjoni tal-Ħabs qed teskludi għal kollox dak li rrappurtajna s'issa, imma dan ma jfissirx li l-każ huwa solvut. Dan iqajjem mistoqsijiet ġodda, bħal: L-uffiċjali tal-Ħabs vera li għamlu rejd fiċ-ċella tal-priġunier? Xi ħadd tah xebgħa jew kien "diżgwit" żgħir bejniethom? Id-"diżgwit" seħħ b'kumbinazzjoni l-għada li fuq il-website ta' Xarabank ħarġet intervista ma' ommu? Id-"diżgwit" kellu x'jaqsam mal-intervista li ħarġet fuq Xarabank? Bħalissa dan il-priġunier qed jitħalla jitkellem ma' ommu? U jekk ma kien hemm xejn minn dak li konna qed nirrappurtaw, għalfejn kellhom problema biex iħalluna nidħlu nkellmuh u niffilmjaw?
Naturalment jibqa' l-mistoqsijiet l-oħra li ma ġewx iwieġba, bħal jekk iħossuhomx responsabbli li xi ħadd qed jirnexxilu jdaħħal id-droga fil-binja li huma responsabbli minnha huma, jekk infetħitx inkjesta dwar il-każ, u għalfejn in-numru 21 249 200 ġie blukkat mill-Ħabs xi xhur ilu.
Aħna nibqgħu nistennew it-tweġibiet.
No comments:
Post a Comment