
Id-Direzzjoni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin qed tirrifjuta li tħalli lill-crew ta' Xarabank jidħol fil-Ħabs biex jiffilmja u jintervista lill-priġunier li laqqat xebgħa kbira nhar it-Tlieta li għadda. Qed tirrifjuta wkoll li tagħtina intervista li fiha tispjega kif u għalfejn ġara dan l-inċident.
L-istorja kollha bdiet nhar it-Tnejn li għadda, meta fuq dan is-sit, aħna ħriġna intervista esklussiva ma' omm li bħalissa tinsab il-Ħabs. L-intervista saret fuq it-telefown mill-Ħabs stess u fl-intervista, l-omm għamlet appell biex binha, li wkoll qiegħed il-Ħabs, jitħalla jmur għall-quddiesa tal-magħmudija tat-tifla tiegħu.
Il-missier mhux qed jingħata permess biex imur għall-quddiesa minħabba li nstab li kien qed jieħu d-droga fil-Ħabs. L-intervista tista' taraha hawn:
Kif mistenni, fuq Facebook, din l-istorja qalgħet pandemonju sħiħ. Min jaqbel li għandu jitħalla jmur għall-magħmudija għax hija okkażjoni ta' darba u għax it-tarbija ma taħti xejn, u min jinsisti li messu qatt ma ħa droga u ma kienx ikun f'din is-sitwazzjoni.
Imma l-istorja iggravat u kkumplikat ruħha meta t-Tlieta filgħodu - jiġifieri inqas minn 24 siegħa wara li ppubblikajna dik l-intervista, irċevejna rapporti li dan il-ġuvni laqqat xebgħa kbira fil-Ħabs. Mill-informazzjoni li daħlitilna jidher li dakinhar filgħodu, uffiċjali tal-Ħabs daħlu jagħmlu rejd fiċ-ċella ta' dan il-priġunier, sabulu xi affarijiet illegali, ħarġuh miċ-ċella u ħaduh f'sezzjoni oħra tal-Ħabs. Kien hemm li diversi sorsi kkonfermawlna li laqqat xebgħa kbira li ħallietu bi ġrieħi serji.
Xi rapporti qalulna li din ix-xebgħa tawhielu żewġ priġunieri oħra li mhumiex ta' nazzjonalità Maltija. S'issa għadna ma rnexxilniex nikkonfermaw jekk dan huwiex vera, u jekk dan huwa veru, ma nafux lanqas jekk dawn iż-żewġ priġunieri tqabbdux minn xi uffiċjali tal-Ħabs biex jagħtuh xebgħa.
Meta sirna nafu b'dan, aħna immedjatament ktibna lid-Direzzjoni tal-Ħabs u tlabniehom biex nidħlu fil-Ħabs niffilmjaw u nitkellmu mal-priġunier li laqqat ix-xebgħa biex hu stess jgħidilna x'ġara. Tlabna wkoll li nagħmlu intervista mad-Direttur jew mal-Aġent Direttur tal-Ħabs.
Issa rċevejna tweġiba li tgħid: "It-talba għall-iffilmjar u l-intervisti mhix qed tiġi milqgħuha." Sadanittant sirna nafu wkoll li l-omm li tkellmet f'intervista magħna issa mhix qed titħalla tara lil binha.
Għaldaqstant, ladarba mhux qed nitħallew nieħdu intervista tal-persuni li huma responsabbli għal dak li jiġri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, aħna weġibna lura l-email b'sett ta' mistoqsijiet li qed nistennew li jiġu mwieġba.
Il-mistoqsijiet huma dawn:
- X'ġaralu *isem il-priġunier* nhar it-Tlieta li għadda filgħodu?
- Min tah dik ix-xebgħa?
- Kif tispjega li laqqat xebgħa kbira inqas minn 24 siegħa wara li ommu tkellmet f'intervista ma' Xarabank?
- Xi rapporti qalu li x-xebgħa tawhielu priġunieri oħra. Teskludi li dawn setgħu kienu mqabbdin minn uffiċjali tal-Ħabs biex jagħtuh xebgħa?
- Infetħet xi investigazzjoni dwar il-każ?
- Dan il-priġunier instab li kien qed jieħu d-droga fil-Ħabs. Ladarba qiegħed taħt il-kustodja tagħkom ma taħsibx li hija responsabbiltà tagħkom li 1 - daħlet id-droga fil-Ħabs u 2 - hu għadu bil-vizzju?
- Għalfejn ommu mhix qed titħalla tarah?
- Għalfejn in-numru ta' Xarabank 21 249 200 huwa blukkat mill-Ħabs?
Il-mistoqsijiet bgħatniehom lill-Aġent Direttur tal-Ħabs, is-Sinjura Mariella Camilleri, peress li d-Direttur tal-Ħabs bħalissa mhuwiex dispost. U qed nistennew spjega mingħandha għal dan l-inċident serju ħafna.
Xarabank ilu diversi snin jitlob il-permess biex jitħalla jidħol jiffilmja u jiltaqa' mal-priġunieri fil-Ħabs. Dan wara li diversi priġunieri nfushom jitolbu biex jitkellmu magħna kemm wara u kemm quddiem il-cameras. Mhux biss ma ngħatajna l-ebda permess biex nidħlu niffilmjaw, imma saħansitra xi xhur ilu sirna nafu li n-numru 21 249 200 ġie blukkat mill-Ħabs, li jfisser li l-ebda priġunier ma jista' jċempel l-uffiċċju ta' Xarabank.
Xarabank ilu diversi snin jitlob il-permess biex jitħalla jidħol jiffilmja u jiltaqa' mal-priġunieri fil-Ħabs. Dan wara li diversi priġunieri nfushom jitolbu biex jitkellmu magħna kemm wara u kemm quddiem il-cameras. Mhux biss ma ngħatajna l-ebda permess biex nidħlu niffilmjaw, imma saħansitra xi xhur ilu sirna nafu li n-numru 21 249 200 ġie blukkat mill-Ħabs, li jfisser li l-ebda priġunier ma jista' jċempel l-uffiċċju ta' Xarabank.
Sakemm qed nippubblikaw dan l-artiklu, il-mistoqsijiet dwar il-każ ta' dan il-priġunier għadhom ma ġewx imwieġba. Malli jkollna aktar informazzjoni naġġornawkom.
No comments:
Post a Comment