L-avukat u membru parlamentari Dr Chris Said qed jgħid li jekk isir Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel minn kollox biex jibni ħafna pontijiet fil-partit li tkissru maż-żminijiet.
Dan qalu waqt intervista ma' Xarabank ftit jiem qabel il-kunsilliera u t-tesserati jibdew il-proċess tal-għażla ta' Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-leġiżlatura li għaddiet, Simon Busuttil kien bagħat lil Chris Said jaħdem f'Għawdex biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ lil Għawdex fl-Elezzjoni Ġenerali. Meta mistoqsi dwar il-fatt li fl-Elezzjoni li għaddiet il-PN tilef lil Għawdex, Dr Said qal li l-missjoni li kellu laħaqha, u dan jixhduh is-surveys li kienu qed joħorġu, li ftit qabel l-Elezzjoni kienu qed juru li l-PN kien qed jirbaħ lil Għawdex b'distakk ta' 7%.
"Madanakollu, meta l-Gvern ra dan, abbuża mill-power of incumbency tiegħu u beda jagħti jobs bl-addoċċ mal-Gvern u ma' kumpaniji li jaħdmu għall-Gvern," qal Dr Said. "Jekk jiena nkun fit-tmun tal-partit, għandna strateġija biex dan l-abbuż tal-poter jieqaf darba għal dejjem."
Meta mistoqsi jekk Daphne Caruana Galizia għenitx jew tellfitx lill-PN fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, Dr Said stqarr li bħala ġurnalista, Daphne kellha stejjer investigattivi li kienu l-fulkru ta' żviluppi politiċi importanti li seħħew fil-pajjiż. Madanakollu stqarr ukoll li filwaqt li jirrispetta x-xogħol ġurnalistiku li tagħmel, ma jaqbel xejn magħha meta tattakka personali lill-persuni, inkluż meta qed tattakka lil Adrian Delia u lil Frank Portelli, li qegħdin fit-tellieqa kontrih għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-intervista Dr Said jgħid ukoll li se jagħmel minn kollox biex għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, il-Partit Nazzjonalista "ma jkollux bżonn forċini", jiġifieri ma jkollux għalfejn jagħmel koalizzjonijiet ma' partiti oħra. Mill-banda l-oħra jgħid: "Il-Partit Nazzjonalista huwa miftuħ biex jidħol fih kulħadd, inkluz persuni li fil-passat ikkontestaw ma' partiti oħra."
Fl-intervista, Dr Said jitkellem ukoll dwar il-liġi li tillegalizza l-kannabis għall-użu ta' rikreazzjoni u dwar il-liġi li tillegalizza l-prostituzzjoni u jagħti ħjiel ta' kif kieku jivvota l-Partit Nazzjonalista jekk kemm-il darba hu jkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Din l-intervista kienet parti minn sensiela ta' intervisti li Xarabank għamel mal-erba' kontestanti għall-kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kellna 17-il mistoqsija għal kull kandidat u tajniehom ċans 10 minuti biex iweġbuhom. Tista' tara l-intervisti l-oħra fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank jew fuq din il-website.
No comments:
Post a Comment