Wednesday, 23 August 2017
L-awtur tad-diska dwar l-iffriżar tal-embrijuni jwieġeb
Ftit tal-jiem ilu aħna tkellimna ma' Clint Abela Wadge dwar id-diżappunt tiegħu għall-kanzunetta Maltija dwar l-iffriżar tal-embrijuni fil-proċess tal-IVF. Illum, l-awtur tad-diska George Cassar tkellem ma' Xarabank, u aħna esklussivament qed nippubblikaw it-tweġiba tiegħu għall-kontroversja li nqalgħet.
George Cassar jgħid, "Il-kanzunetta la hi kontra l-ivf u lanqas kontra l-iffriżar tal-embrijuni. Fl-ebda ħin ma tikkundanna lil min jgħaddi minn dawn il-proċessi. Il-kanzunetta titkellem mill-perspettiva tal-embrijun waqt il-mument ta’ stennija."
Cassar iżid jgħid li hu konxju li embrijuni ffriżati ma jħossux l-emozzjonijiet li jissemmew fid-diska, u jgħid li din hija espressjoni artistika fejn hu qed jagħti kwalitajiet li l-embrijun m'għandux fil-realtà sabiex iwassal messaġġ;
"Din hija espressjoni artistika u mhux dokument xjentifiku. Fil-fatt lill-embrijun umanizzjatu billi tajtu kwalitajiet li fil-verità m’għandux: il-vuċi, in-nifs u l-qalb għax għalija l-embrijun mhux sempliċiment grupp ta’ ċelloli imma potenzjal ta’ ħajja." - George Cassar
George Cassar isostni li l-istorja ta' Clint hija filfl-fatt waħda pożittiva għaliex l-embrijun tiegħu u ta' martu llum żviluppa f'tarbija.
"Appuntu l-istorja ta’ Clint dan tikkonfermah għax l-embrijun ma ġiex imwarrab imma ħa l-ħajja u ma tħallhiex jistenna għal dejjem bħalma qed jibża’ li se jiġrilu l-embrijun fil-kanzunetta" -jgħid George Cassar
George Cassar sostna ukoll li hu jista' jiddefendi biss il-lirika tal-kanzunetta u mhux il-vidjow li deher fuq il-media soċjali.
"Jiena nista’ nitkellem biss dwar il-lirika tal-kanzunetta u nerfa’ r-responsabbiltà tagħha. Dwar il-vidjow ma kelli x’naqsam xejn u lanqas biss naf min hi l-persuna li ħadmitu. Naqbel li huwa kemxejn misleading għax il-kanzunetta hija dwar embrijun u mhux dwar fetu żviluppat kif jidher fil-vidjow." - Geroge Cassar
George Cassar jagħlaq it-tweġiba tiegħu billi jiskuża ruħu; "Mhux importanti li naqblu imma l-importanti li ma nweġġgħux lil xulxin. Jien min-naħa tiegħi niskuża ruħi jekk kien hemm min weġġa’ b’din il-lirika għax l-intenzjoni tiegħi żgur li ma kinitx dik."
George Cassar qalilna ukoll li huwa diġa għamel kuntatt ma' Clint Abela Wadge. "Lil Clint bgħattlu jien personalment u skużajt ruħi miegħu wara li ħassu mweġġa’ għal dak li ktibt u dan tista’ tikkonfermah miegħu."
Dwar l-istess kanzunetta, ilbieraħ irreagixxa ukoll il-kunsillier Nazzjonalista Alan Abela Wadge, li jigi ħu Clint. Alan kiteb ittra miftuħa lil George Cassar, l-awtur ta' din id-diska, fejn esprima d-diżappunt tiegħu għal din id-diska.
Alan Abela Wadge appella lil Cassar biex qabel jikteb u jippubblika xi ħaġa ikun ċert li mhux se jagħmel ħsara. Abela Wadge żied jgħid li ħadd ma jistħoqqlu jkun insultat talli jkun għamel minn kollox sabiex iġib tarbija fid-dinja
"Please make sure that before you write and publish something, please go through it and see if you’re going to do any good with it. [...] If you’re going to harm anyone, please refrain from doing so because no one deserves to be insulted for trying to bring a child to this world." - Alan Abela Wadge.
Abela Wadge jsaqsi għalfejn l-awtur qed jitkellem dwar l-embrijun bħallikieku huwa konxju, meta fir-realtà l-embrijun huwa numru ta' celloli li m'ghandhom l-ebda emozzjoni jew ħsieb.
"You’re assuming that a bunch of cells [...] are conscious enough to know that they are being frozen. Can you kindly explain how this is possible? Are you trying to make anyone believe that these group of cells can actually already think and feel different emotions?" - Alan Abela Wadge
Għal din il-mistqosija, George Cassar iwieġeb hekk; "lill-embrijun umanizzjatu billi tajtu kwalitajiet li fil-verità m’għandux: il-vuċi, in-nifs u l-qalb għax għalija l-embrijun mhux sempliċiment grupp ta’ ċelloli imma potenzjal ta’ ħajja."
Tista' tara l-vidjow li qala' din il-kontroversja hawn taħt:
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment