best deal

Thursday, 24 August 2017

"L-istorja tal-Egrant ma nistax nemminha għax ma rajt l-ebda evidenza" - Adrian Delia





L-avukat u eks president tat-tim ta' Birkirkara FC, Dr Adrian Delia, qal li ma jistax jemmen l-istorja tal-Egrant qabel ma jara l-evidenza li tissostanzjaha, u jistqarr li kieku hu kien fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, ma kienx jibbaża l-kampanja elettorali fuq din l-istorja.

Dan qalu waqt intervista ma' Xarabank ftit jiem qabel il-kunsilliera u t-tesserati jibdew il-proċess tal-għażla ta' Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.





Fl-intervista Dr Delia jistqarr ukoll li verament offrewlu biex joħroġ għall-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet. U meta mistoqsi għalfejn dakinhar ma aċċettax u llum qed jikkontesta għal Kap, spjega li dakinhar kien għadu jokkupa l-kariga ta' President tal-klabb u ammetta li kien wara t-telfa elettorali kbira li ħass li għandu jagħmel xi ħaġa biex ibiddel is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-jiem li għaddew ingħad li meta Dr Delia kien għadu President tal-klabb tal-futbol, ġie każ ta' korruzzjoni quddiemu, u flok mar għand il-Pulizija ħa lill-goalkeeper f'karozza ġo garaxx u interrogah hu. Meta mistoqsi jekk din l-allegazzjoni hijiex vera, Dr Delia ammetta li vera kien sema b'każ ta' korruzzjoni, u qabel ma mar għand il-Pulizija għamel l-indaġni interna bħala l-persuna responsabbli mill-klabb.

"Meta mbagħad rajt li l-plejer kien qed jiċħad l-allegazzjoni, mort għand il-Pulizija," spjega Dr Delia. "Zero tolerance għall-korruzzjoni fil-futbol, zero tolerance għall-korruzzjoni fil-politika."

Waqt l-intervista, Dr Delia ma jwiegħedx li se jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, imma jwiegħed li jekk jiġi afdat bit-tmexxija tal-Partit, se jkun qed jiltaqa' man-nies u jipproponi miżuri li jolqtu direttament lill-familji tagħhom fil-ħajja ta' kuljum.

Bħat-tliet kandidati l-oħra, f'din l-intervista Dr Delia jistqarr x'inhi l-pożizzjoni tiegħu fuq il-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu ta' rikreazzjoni u fuq ir-regolarizzazzjoni tal-prostituzzjoni.

Din l-intervista kienet parti minn sensiela ta' intervisti li Xarabank għamel mal-erba' kontestanti għall-kariga ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kellna 17-il mistoqsija għal kull kandidat u tajniehom ċans 10 minuti biex iweġbuhom. Tista' tara l-intervisti l-oħra fuq il-paġna ta' Facebook ta' Xarabank jew fuq din il-website.


No comments:

Post a Comment