best deal

Thursday, 21 September 2017

BIL-FILMAT: “B’ħajtu salvali lil binti u għadni naħseb fih kuljum"


Meta Kylie kellha ħames snin mardet b’marda serja u rari ħafna. Rari li ssibha fi 2 kull miljun persuna fid-dinja. Lil ommha Alison jgħidulha li Kylie kellha bżonn trapjant tal-mudullun. Sakemm qed tistenna għall-operazzjoni lil Kyle jitlagħlha d-deni, tiddaħħal l-emerġenza l-isptar u tispiċċa fl-ITU. Lil ommha jgħidulha li f’Kylie feġġgħet marda oħra. Fil-fwied. Il-fwied ta’ Kylie ma baqax jiffunzjona. Issa Kylie kellha bżonn żewġ trapjanti; tal-mudullun u tal-fwied.


Alison ma tinsa qatt it-telefonata li rċeviet meta Kylie kienet l-ITU. Jgħidulha li sabu donatur tal-fwied għal Kylie. Dan id-donatur kien jinsab l-Ingilterra allura b’mod urġenti kellha tkun l-Ingilterra, l-ewwel għat-trapjant tal-fwied u wara għat-trapjant tal-mudullun. Alison tgħidilna li dak li ta l-fwied lil Kylie ma tistax tieqaf tgħidlu “grazzi”. “Naħseb fih kuljum. Dak salvali lil binti.”

Lejliet il-Milied, Alison kellha liż-żewġ uliedha l-isptar, lil Kylie ta’ 5 snin u lil oħtha ta’ sentejn. Oħtha kienet qed tagħti l-mudullun lil Kylie. L-operazzjoni rnexxiet iżda l-familja kellha tqatta’ 7 xhur l-isptar fl-Ingilterra.

F’dan kollu allaħares ma kienx hemm Puttinu li mal-ewwel ġurnata kienu hemm għal Kylie u għall-familja tagħha. Alison tgħidilna: “Puttinu jfittex hu biex jgħinek u jibqa’ miegħek sakemm ikun hemm bżonn. Allahares ma kienx Puttinu għalina.”



Puttinu ma jeżistix kieku ma hemmx in-nies li jgħinuh. Min-nhar il-Ġimgħa li ġej hemm opportunità kif INTI tista’ tgħin lil Kylie u tfal oħra bħalha. Il-maratona nhar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd li ġej fil-Marsa Sports Club.


Filmat u Muntaġġ - Xandru Azzopardi. 

No comments:

Post a Comment