Id-dar se tinfetaħ lejn l-aħħar ta' Ottubru li ġej.
Minn dak li ġara ftit xhur ilu f'Xarabank fejn Bjorn u l-ALS Malta ħolmu li jkun hawn dar fejn il-pazjenti bl-ALS ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti, se ssir realtà. Bjorn jgħid li wasal fl-aħħar biex jiġi ffinalizzat il-ftehim mal-Gvern biex din id-dar tinfetaħ. "U fil-każ irridu nlestuha fi ftit ġimgħat," ikompli Bjorn. Sorsi jgħidu li d-dar taf tkun miftuħa lejn l-aħħar ta' Ottubru. F'Xarabank kienu nġabru kważi miljun ewro biex din id-dar tkun possibbli. Ukoll dakinhar b'sorpriża għal Bjorn kien ċempel il-Prim Ministru wiegħed li "sakemm iddum miftuħa din id-dar, il-Gvern iħallas l-ispejjeż kollha biex din tagħti s-servizzi kollha meħtieġa." Peppi Azzopardi jgħid li feraħ ħafna b'din l-aħbar: "Nixtieq nirringrazzja lill-poplu Malti li dejjem ikun ġeneruż. Nixtieq ngħid grazzi wkoll lil żewġ persuni. Grazzi lil Maria, il-mara ta' Bjorn li hija eżempju ta' mħabba u solidarjetà. Ngħid grazzi wkoll lill-Kap tal-Komunikazzjoni fl-OPM, Kurt Farrugia illi kieku ma kienx bl-impenn kontinwu tiegħu, din il-ħolma ma setgħetx isseħħ."
Ta' min isemmi li din id-dar se jkollha faċiltajiet speċjali. Dan għaliex il-persuni bl-ALS jispiċċaw ipparalizzati u jkunu jistgħu jħaddmu biss għajnejhom. Allura f'din id-dar ħafna affarijiet se jkunu qed jaħdmu bl-għajnejn u jwieġbu għall-movimenti tal-għajnejn biex kemm jista' jkun il-pazjenti jgħixu ħajja indipendenti.
Kitba: Andrew Borg Carbott
Filmat u muntaġġ: Xandru Azzopardi
No comments:
Post a Comment