best deal

Friday, 8 September 2017

BIL-FILMAT: Kważi qatel raġel u jispiċċa jaħdem ma' Madre Tereża


Dan John Pridmore. Kien gangster. Darba kważi qatel persuna. Illum ikkonverta u jkellem eluf ta' nies fuq kif Alla biddillu ħajtu.

L-istorja bdiet minn meta missieru u ommu qalulu li se jiddivorzjaw. "Ta' 10 snin, meta l-ġenituri tiegħi qaluli li kelli nagħżel ma' min se noqgħod, ħassejt li ż-żewġ persuni li ħabbejt u nafda l-iktar fid-dinja kissruni minn ġewwa. Allura ħadt id-deċiżjoni li ma nħobbx. Ħsibt li jekk ma tħobbx, ma tweġġax," jistqarr John.

Jispjega li wara beda jieħu l-kura fi sptar psikjatriku. Missieru jerġa' jiżżewweġ u jiġi abbużat mill-mara li żżewweġ missieru. "Mart missieri rat li l-aħjar mod kif trabbini kien billi ssawwatni kull ġurnata. Din kienet it-trobbija tiegħi," jistqarr John.

Ta' 13-il sena jibda jisraq għax xtaq li xi ħadd jinduna bl-uġigħ li kien qed isofri. "Qattajt żmien nistenna li xi ħadd jgħidli li jħobbni. Imma minħabba li missieri pulizija, dan żied il-vjolenza u s-swat," jgħid John.

Ta' 15-il sena jitpoġġa f'ċentru ta' detenzjoni u hemmhekk kien iħossu aħjar. "Kont naħseb li aħjar inkun hemmhekk milli d-dar. Fil-fatt iddeċidejt li nitlaq mid-dar," jistqarr John. Is-serq kien l-uniku kwalifikazzjoni tiegħu u allura kien jgħaddi ħajtu jisraq sakemm ta' 19-il sena reġa' ddaħħal il-ħabs. Hemm jiddeċiedi li jtemm ħajtu. "Qegħduni 23 siegħa f'ċella waħdi fejn hemm ħassejt li kelli mera quddiem. Minħabba li kont qed nobgħod dak li bdejt nara fil-mera, bdejt naħseb li nneħħi ħajti. Imma Alla naħseb kien preżenti dak il-ħin għax ma neħħejtx ħajti b'idejja."

John joħroġ minn hemm u jibda jaħdem bħala bouncer fi klabbs ġewwa Londra. Hemm jiltaqa' ma' kumpanija ħażina. "Iltqajt ma' rġiel li f'għajnejja dehru li għandhom kollox. Kellhom l-aqwa karozzi u l-isbaħ tfajliet. Kienu jidħlu ġo klabb u kulħadd kien jieqaf għaliex kellhom ir-rispett għal raġunijiet ħżiena," jirrakkontalna John. Huwa jibda jaħdem għal dawn in-nies li kienu jorganizzaw l-ikbar reati f'Londra. Il-ġurnata tipika tiegħu kienet tikkonsisti minn vjolenza. Kien involut fi ftehim ta' droga u reati ta' vjolenza. Ta' 27 sena kellu penthouse, karozzi sportivi u iktar flus li se jonfoqhom f'dak li jrid.


Dan baqa' sejjer sakemm darba kien kważi qatel persuna. "Fi klabb li kont naħdem fih spiċċajt tajt xebgħa lil raġel li bid-daqqa li tajtu ħsibt li qtiltu. Kif ħarist lejn dan ir-raġel mixħut mal-art, l-iktar ħaġa li beżżgħetni kienet li jiena stajt neħel 10 snin ħabs. Jiena u nsuq lura dak il-lejl għedt lili nnifsi "Imma x'persuna sirt? Kważi qtilt lil xi ħadd u ma kienx qed jimpurtani"," jispjegalna.

Dak il-lejl ġie konxju b'vuċi li qed tkellmu f'qalbu. Kienet il-vuċi t'Alla li kienet qed tgħidlu l-agħar affarijiet li għamel. "Kont qed immut u ma kont naf li sejjer l-infern. Tlabt għal ċans ieħor. Mhux għax kien qed jiddispjaċini imma għax ma rridtx immur l-infern. Għedt, "Sa dan il-ħin kulma għamilt ħadt minnek Mulej u issa nixtieq li nagħti." Kif għedt din it-talba, il-vojt li kont qed inħoss f'qalbi mtela bl-imħabba ta' Ġesù," jistqarr John.


Jirrakkontalna kif ommu kienet l-unika persuna li jaf li kellha l-fidi. "Kienet titlob għalija kull ġurnata ta' ħajti. Disat ijiem qabel talbet novena lill-patrun għall-każijiet bla tama, lil San Ġuda. Nemmen li fid-disa' jum tan-novena smajt il-vuċi ta' Ġesù tkellimni," jistqarr John. Huwa jmur irtir fejn hemmhekk iqerr u lejn l-aħħar irrealizza lis-saċerdot ma ġġudikahx għax għalih kien Ġesù.



Meta ntemm l-irtir spiċċa jaħdem ma' Santa Tereża ta' Kalkutta. Jispjegalna x'qaltlu:"Qaltili li meta naqsam l-istorja tiegħi, se ngħin lin-nies isiru jafu bil-glorja t'Alla. Qaltli wkoll li meta nwasslu l-verità liż-żgħażagħ, għandhom l-għażla li jagħżlu l-verità. Jekk ma nagħtuhomx il-verità, ma jkollhom qatt l-għażla. Allura bdejt inqasam l-istorja tiegħi."

Qabel ma ta lilu nnifsu lil Alla, l-iskola ma setax jaqra u jikteb minħabba li kien dislettiku. Minn meta fetaħ qalbu lil Alla, kiteb erba' kotba. Tnejn minnhom bestsellers u wieħed minnhom international bestseller f'10 lingwi li jiġbor l-istorja tiegħu.

Illum John idur id-dinja jaqsam l-istorja tal-passat u l-ħajja preżenti tiegħu.

Filmat u muntaġġ: Mandy Micallef Grimaud

No comments:

Post a Comment