Gianluca, il-kantant li se jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision, jinsab eċċitat għal Novembru li ġej.
Ilbieraħ ħareġ il-vidjow tal-kanzunetta Dawra Tond li se tkun qed tirrappreżenta l-Malta fil-Junior Eurovision, Dawra Tond.
Gianluca huwa kantant ċkejken b'enerġija li tieħdok dawra tond qalb sqaqin Maltin. Il-kanzunetta fiha wkoll element tradizzjonali bil-kanzunetti Maltin li ġew addattati għall-melodija ta' din il-kanzunetta.
Aħna tkellimna ma' Gianluca u ħadnieh lura għal meta rebaħ. "Meta ħabbru r-riżultat għall-bidu lanqas stajt nemmen. Dak il-ħin kont qisni fil-qamar. Vera kienet sorpriża u vera ħassejtni kuntent."
Qalilna wkoll li malli qalulu bl-idea tal-vidjow għall-kanzunetta Dawra Tond mill-ewwel għoġbitu. Irrakkonta kif waqt il-ġbid tal-vidjow vera ħa gost għaliex kienet avventura ġdida għalih. Gianluca jixtieq jirringrazzja lil kullħadd tas-sapport u jgħid grazzi lil kull min qed jikkummenta fuq il-vidjow.
Meta mistoqsi kif qed iħossu, qalilna li vera jinsab eċċitat u għalhekk qed jipprova ma tantx jaħseb fuqha ħalli jkun moħħu hemm waqt il-preparamenti u rehearsals.
Dominic Cini qalilna li ilu jaħdem tliet snin biex ikollu kanzunetta li tirrappreżenta lil Malta u kburi li qatt ma qata' qalbu għaliex issa ġieh iċ-ċans b'Dawra Tond.
Minn fejn ġiet l-idea tal-kanzunetta? Dominic qal li kienu ltaqgħu hu u Emil, li ġie bl-idea li jdaħħlu element tradizzjonali Malti fid-diska u flimkien qablu li jgħaqqdu xi diski tradizzjonali Maltin fil-lirika u jqabbluha mal-melodija. U minn hemmhekk twieldet il-kanzunetta Dawra Tond."Il-vidjow ħa kwazi ġimgħa. Kienet iebsa minħabba li kienu involuti ħafna tfal imma l-entużjażmu kien wieħed kbir u wara li tara r-riżultat tħossok kburi li ser ikollok pakkett tajjeb biex tirrappreżenta lil pajjiżek," jistqarr Dominic.
Dominic jinsab kuntent ħafna bir-riżultat speċjalment li l-kanzunetta hija kemm bl-Ingliż u bil-Malti.
"Xtaqna noħolqu xi ħaga li l-Maltin jafuha. L-idea ta' Dawra Tond ġiet minn Dawra Durella u ninsab kuntent immens għaliex naħseb fil-vidjow ħareġ perfettament il-karattru Malti li tirrakkonta l-lirika f'din il-kanzunetta," jistqarr Emil.Emil qalilna li din kienet esperjenza unika kemm għaliex beda jara lil Gianluca jieħu gost f'din l-avventura ġdida u semma wkoll il-fatt li l-viżwal kien miġbud f'ambjent tradizzjonali Malti.
"Nixtieq ngħid grazzi talli l-kanzunetta ntlaqtet daqshekk u nixtieq ngħaddi messaġġ biex inħobbu aktar il-lingwa Maltija u nagħtuha l-importanza li jistħoqqilha," itemm jgħidilna Emil.
u anke l-barranin iridu jgħidu tagħhom:
No comments:
Post a Comment