Dal-aħħar ħafna nies qalu li l-monument kontroversjali ta' Ħal Luqa m'għadux hemm. Uħud qalu li nqala' bil-moħbi ħalli ma tkomplix tikber il-kontroversja dwaru, u dan għaliex għaddew minn ħdejh u ma rawhx.
Il-verità hi li l-monument għadu hemm, imma huwa mgħotti kollu bis-siġar.
Il-monument ta' Ħal Luqa, li ismu proprju huwa Colonna Mediterranea, huwa xogħol l-artist Paul Vella Critien, u minn meta tqiegħed ġo roundabout f'Ħal Luqa f'Jannar tal-2006 kien is-suġġett ta' kontroversja sħiħa minħabba li ħafna jinsistu li għandu l-forma ta' organu sesswali tar-raġel.
Il-kontroversja dwar dan il-monument kultant żmien tintefa' imma terġa' titħeġġeġ meta tiġri xi ħaġa lilu jew tkun se tiġri xi ħaġa madwaru.
Fl-2010, pereżempju, eluf kienu tal-idea li Papa Benedittu XVI ma jistħoqqlux jgħaddi minn ħdejh waqt iż-żjara tiegħu f'Malta. U kull meta kienet se tiġi Malta r-Reġina Eliżabbetta, dejjem kien hemm dawk in-nofs tużżana nies li ħasbu li aħjar jiktbu fuq Facebook biex javżaw lill-Poplu u lill-awtoritajiet biex jekk jista' jkun jevitaw li jgħadduha minn Ħal Luqa.
![]() |
Papa Benedittu XVI għaddej minn ħdejn il-monument waqt iż-żjara tiegħu f'Malta fl-2010 |
Fit-8 ta' April tal-2012, dan il-monument instab ivvandalizzat. Xi ħadd tajjarlu l-biċċa ta' fuq. Xi wħud kienu argumentaw li dan l-inċident kien att tan-natura u inzerta seħħ fuq dan il-monument purament b'kumbinazzjoni, imma aħna nemmnu li l-probabiltà hija mod ieħor.
![]() |
Meta l-monument instabitlu l-biċċa ta' fuq nieqsa (Ritratt: timesofmalta.com) |
Aktar tard, il-monument instab bi speċi ta' qasrija mpoġġija fuq in-naħa ta' fuq tiegħu, jew kif iddeskrivewha xi wħud, "qasrija mlibbsa fuq rasu." Dan l-inċident, naturalment, kien pjuttost ċar li ma kienx att aċċidentali tan-natura.
![]() |
Meta l-monument "libbsuh" speċi ta' qasrija |
Il-verità hi li l-kontroversja dwar dan il-monument ma tinxef qatt u din l-opra tal-arti ġiet iffossilizzata fil-kultura u fil-mentalità tagħna bħala opra ta' stagħġib, anke jekk għar-raġunijiet il-ħżiena.
Sal-lum, ħafna nies jaqblu mal-artist u jinsistu li din hija biċċa arti. Oħrajn ma jistgħux jarawh u kull meta jgħaddu minn ħdejh jixtiequ li kellhom l-awtorità li jniżżluh bħalma l-Iraqqini kienu niżżlu l-monument ta' Saddam Hussein.
Imma meta tħares lejn l-istorja tinduna li ħafna opri kbar tal-arti sabu oppożizzjoni enormi min-nies ta' żmienhom. Lura fl-1889, meta ġie inawgurat it-Torri Eiffel f'Pariġi, eluf ta' Franċiżi dehrilhom li kien ikrah u ma riduhx hemm. Illum mur neħħihulhom!
Aħna nemmnu li minkejja l-monument ta' Ħal Luqa mhuwiex l-Eiffel Tower, xorta huwa opra tal-arti, u huwa biss il-moħħ maħmuġ ta' xi Maltin li wassal biex flok jarawh bħala biċċa arti, ma jistgħux iħarsu lejh mingħajr ma jaraw biċċa ta' organu sesswali enormi, erett f'nofs wieħed mill-aktar rħula innoċenti, ħelwin u pittoreski ta' gżiritna.
Il-kritika ħarxa li saret lil dan il-monument forsi tirrifletti l-mod ta' kif għadna nħarsu lejn is-sesswalità. Forsi wasal iż-żmien li ma nibqgħux nieħdu l-affarijiet daqsekk bis-serjetà. Forsi aħna poplu li niskruplaw wisq, u waqt li aħna qed niskruplaw, popli oħra madwar id-dinja li wkoll għandhom monumenti falliċi, joħduha bħala ċajta.
Jibqa' l-fatt li d-dibattitu dwar dan il-monument ma miet qatt, u meta jarawh qed jintesa' u jorqod, malajr issib nies (bħalna) li nerġgħu nqajmuh - excuse the pun.
Kitba: Anita Vassallo Piccinino
No comments:
Post a Comment