best deal

Thursday, 28 September 2017

FILMAT ESKLUSSIV: It-tewmin Maltin li dehru f'Playboy ta' Hefner


Miet il-fundatur tar-rivista Playboy, Hugh Hefner, fl-età ta' 91 sena.

Fir-rivista ta' Playboy dehru ħafna tfajliet għarwieni. Imma kont taf li f'Ottubru 1970 fuq il-Playboy dehru għall-ewwel darba t-tewmin Maltin Madeleine u Mary.
Ma' Xarabank Madeleine tgħidilna li meta hi u oħtha ppużaw għal Playboy kien għad kellhom 17-il sena u kellha tiffirmalhom ommhom. "Ma nistax niggarantilek li ma gdibtilhiex għax naħseb ma kinitx taf li se nkunu mneżżgħin fih," tgħidilna Madeleine.

Mary kienet uritna r-rivista li dehru fiha. "Kienet esperjenza inkredibbli. Ġejjin minn din il-gżira fejn dawn l-affarijiet lanqas wieħed kien joħlom li jsiru u ssib ruħek f'dinja kompletament differenti, ma' nies differenti u tagħmel dawn l-affarijiet differenti."


Ritratt: Lino Cassar
Il-familja ta' Mary u Madeleine kienet toqgħod fl-istess triq ta' Lino Cassar. Lino kien ilu jġemma' r-rivisiti ta' Playboy mill-1960, minkejja li dak iż-żmien din ir-rivista ma setgħetx tidħol f'Malta minħabba ċ-ċensura. Lino jiftakar meta Mary u Madeleine kienu ħallew Malta għal-Londra. "L-ewwel marret waħda u mbagħad marret l-oħra. Peress li kienu tewmin, bilfors ġibdu l-attenzjoni."


Ritratt: Madeleine
Mary kienet l-ewwel waħda li telqet. "Kelli 16-il sena meta tlaqt għaliex jiena u oħti ma stajniex naħdmu hawn Malta. Ommi kellha sitwazzjoni fil-familja li ma kinitx tippermetti illi aħna nistgħu nibqgħu hawn Malta. Kont iffortunata li l-mara ta' ħabib tagħna kienet tatni indirizz ta' aġenzja tal-immudellar," tgħidilna Mary.

Din l-aġenzja tħaddem lil Mary u wara tingħaqad oħtha u mill-ewwel jibdew jaħdmu flimkien. "Bdejna naħdmu flimkien bħala tewmin. Konna novità li Londra ma kienx hemm bħalha," tgħidlna Mary.


Ritratt: Mary
Imma kif spiċċaw fuq Playboy?

"Wara li konna ftit xhur Londra ltqajna mad-direttur ta' Playboy, li kien Amerikan. Ġietu l-idea li jibgħat ir-ritratti tagħna Chicago biex jara jekk jaċċettawniex għaliex playmates tewmin huma rari. U kienu għażluna u sibna ruħna f'Chicago,' tgħidilna Mary.

Kienu stħaw meta ħadulhom l-ewwel ritratti bla ħwejjeġ? "Le. Kienet ħaġa naturali. Għedt għaliex le? Tkun qed tagħti gost lil ħaddieħor," tgħidilna Madeleine.  Pero' Madeleine tgħidilna li kieku xi ħadd qalilha biex tagħmel il-pornografija ma kinitx taċċetta. Min-naħa l-oħra Mary tistqarr: "Le ma kinitx diffiċli." 

Mary tgħidilna li kif dehru f'Playboy, f'Malta bdew jittrattawhom bħala artisti."Kellna tipo red carpet meta konna naslu l-ajruport ta' Malta u kulħadd kien iċapċpilna," tgħidilna Mary. Imma mhux kulħadd kien jaħsibha hekk għax kien hemm ħafna Maltin li ħaduha kontrihom. "Kienu jaħsbu li għamilna xi ħaġa kattivita għaliex kienet ħaġa kontra r-reliġjon u kontra kulħadd," tispjegalna Mary.


Wara l-Playboy, it-tnejn jiġu avviċinati għal film, Twins of Evil, li ma setax jidħol f'Malta.

Imma l-irġiel tagħhom kif iħarsu lejn il-passat tagħhom? Filwaqt li Mary tgħidilna li żewġha mhuwiex kburi, Madeleine tgħidilna li għal żewġha kien aħjar aħjar għalih li żżewweġ waħda mit-tfajliet tal-Playboy.


Lil Madeleine u lil Mary għadhom jiftakruhom bħala t-twemin li dehru fir-rivista Playboy.


2 comments:

  1. Il-bzonn igielek taghmel hafna affarijiet.Il-Mulej ma jiggudikaniex bil-hsieb tal-bniedem.

    ReplyDelete