best deal

Wednesday, 13 September 2017

"Iddiżappuntat ħafna b'dak li qalet il-Kummissjaru tat-Tfal" - Ivan Gaffiero



Ivan Gaffiero jinsab iddiżappuntat għal dak li qalet il-Kumissjarju tat-Tfal Pauline Miceli dwar il-konkorsi tat-tfal.

Ilbiraħtlula Pauline Miceli ma' Television Malta appellat lill-ġenituri biex ma jimbuttawx lil uliedhom f'konkors tas-sbuħija. Fost oħrajn qalet ukoll li konkors tas-sbuħija ma jservihom kważi għalxejn u qatt ma għandhom jingħataw titli bħal Little Miss Univers jew World. Żiedet tgħid ukoll li l-ilbies li jintuża f'photoshoots ma jkunx addattat għat-tfal.

Aħna tkellimna ma' Ivan Gaffiero li huwa direttur ta' kumpanija tal-immudellar. "Ħadtha bħala shock meta smajt l-opinjoni ta' Pauline Miceli. Lanqas qatt ma bsartha illi sejra tgħid dan il-kliem dwar dawn it-tip ta' konkorsi. Jiena li issa ilni ħafna nagħmel dawn l-affarijiet, nista' ngħid li ma nafx bi tfal li kienu lebsin ta' kbar jew li kellhom xi takkuna jew make-up. Dejjem ħallejniehom ta' tfal li huma," jispjega Ivan. Iżid jgħid li konkorsi (Little Miss Univers jew World) bħalma semmiet Pauline Miceli qatt ma saru hawn Malta.

Jgħidilna li rċieva ħafna rispons mingħand diversi ġenituri. "Dwar dak li qalet il-Kummissarju tat-tfal, ħafna kitbuli u qaluli li jinsabu ddiżappuntati ħafna."

Jispjega l-importanza li t-tfal jieħdu sehem f'attivitajiet bħal dawn: "Meta kont tifel kelli ħafna bullying u kont nistħi ħafna għaliex fija ma kellix kunfidenza. Ġieli ġew għandna tfal mistħija u llum qegħdin ikantaw u jieħdu sehem f'diversi fashion shows. Bis-saħħa ta' dawn il-konkorsi, ħafna tfal kisbu l-kunfidenza li kellhom bżonn."

"Pauline Miceli qalet li dawn huma konkorsi tas-sbuħija. F'kull intervista li jkollna u f'kull konkors li jkollha, jien dejjem ngħid li qatt ma jistgħu jingħataw voti fuq is-sbuħija għaliex it-tfal huma kollha sbieħ. L-importanti hu li t-tfal ikollhom il-kunfidenza. Nemmen li t-tfal kollha sbieħ," jgħidilna Ivan.

Dwar il-pika li semmiet Pauline Miceli, Ivan itemm il-kumment tiegħu billi jwieġeb hekk: "Jiena se nitkellem dwar il-kumpanija tiegħi. Lanqas naf li qatt kien hemm xi ġlied bejn il-ġenituri u aħna dejjem konna tim wieħed."


No comments:

Post a Comment