best deal

Thursday, 21 September 2017

"Ikun xi jkun id-dnub, ma nistax nikxfu" - Fr Brendan Gatt




Allura xi jfisser is-sigriet tal-qrar? "Is-sigriet tal-qrar ifisser li s-saċerdot li jisma' l-qrar huwa marbut li bl-ebda mod ma jista' jikxef lil min qed iqerr u d-dnubiet li jkun stqarr miegħu (skont il-Kanoni 983 par.1 tal-Kodiċi tal-Liġi tal-Knisja). Is-sigriet tal-qrar jkopri wkoll l-informazzjoni li tintqal waqt il-qrar. Il-konfessur bl-ebda mod ma jista' juża l-informazzjoni li tkun ħarġet fil-qrar għad-detriment ta' min qed iqerr (dan skont il-Kanoni 984 par. 1)," jispjega Fr Brendan.


Però għaliex jinżamm sigriet? Fr Brendan jispjega li s-sigriet jinżamm minħabba li l-Knisja temmen li l-konfessur f'dak il-mument tal-qrar ikun qed jaħdem f'isem Alla nnifsu. "Għaldaqstant, dak li bniedem ikun qal lill-konfessur mhuwiex 'proprjetà' tal-konfessur imma daqslikieku qalu lil Alla. Dak li jintqal mal-konfessur mhuwiex bejn il-konfessur u min qed iqerr, imma bejn min qed iqerr u Alla nnifsu," jgħidilna Fr Brendan. Iżid jgħid li s-sigriet jinżamm anke għas-serħan tal-moħħ ta' min qed iqerr li jaf li jgħid x'jgħid lill-konfessur dwar id-dnubiet tiegħu, dawn se jibqgħu mistura. Jistqarr ukoll: "Il-mument li fin-nies ifaqqas l-iċken dubju li l-konfessur mhux se jibqgħu jżommu s-sigriet tal-qrar, ibqa' ċerta li l-qrar jispiċċa. Jew inkella jibdew iqerru l-affarijiet iż-żgħar, u l-kbar ma jsemmuhomx iktar, għall-biża' li jinkixfu."

Imma sigriet dejjem jinżamm? "Is-sigiriet dejjem jinżamm, mingħajr eċċezzjoni (sintendi, qed nitkellmu dwar il-materja li tissemma fil-kanoni 983 u 984, jiġifieri d-dnubiet ta' min qed iqerr, u informazzjoni oħra li tista' tagħmel ħsara lill-bniedem li qerr). Però ma jfissirx li jekk raġel waqt il-qrar jgħidli li t-tifla tiegħu għandha l-birthday u jekk f'xi ħin ieħor naraha ma nistax ngħidilha happy birthday," jgħidilna Fr Brendan. Jistqarr li tant huwa meqjus serju s-sigriet tal-qrar li matul l-istorja u f'pajjiżi differenti kien hemm saċerdoti li saħansitra marru l-ħabs u sofrew tortura biex ma jikxfux is-sigriet tal-qrar. Iżid jgħidilna li dan seħħ meta pereżempju kien hemm gvernijiet faxxisti jew komunisti li riedu jkunu jafu x'qerrew nies li kellhom fama li qed jaħdmu kontra dak il-gvern partikolari. 

Jekk ma jinżammx, xi jiġri? "Il-Knisja Kattolika għandha pwieni ħorox ħafna f'każ li saċerdot jikxef is-sigriet tal-qrar. Jekk konfessur jikser is-sigriet b'mod dirett, jiġifieri jikxef lil min qerr u liema dnub għamel, jiġi skomunikat. Jekk jikxef is-sigriet tal-qrar b'mod indirett, pereżempju jgħid li ġie bniedem u qallu t-tali d-dnub imma b'mod li min jisimgħu jista' jifhem min hu dak il-bniedem, hemm pwieni serji oħra.


Allura jekk raġel imur iqerr u jgħid lis-saċerdot li qed jabbuża min-neputija ta' 5 snin, is-saċerdot għandu jibqa' jżommha sigrieta? U jekk isir jaf li se tqatta' weekend miegħu għandu jħalliha? Fr Brendan Gatt jgħidilna: "Jekk min qed iqerr huwa l-istess bniedem li qed jagħmel id-dnub, idejja marbutin. Ma nistax nuża dik l-informazzjoni għad-detriment ta' min qed iqerr." 

Allura jekk imur xi ħadd iqerr li qatel u jinsisti li ma jridx imur jgħid lill-awtoritajiet anke jekk hemm persuna innoċenti l-ħabs minfloku. X'jagħmel is-saċerdot? Iħalli lill-innoċenti l-ħabs? "L-istess. Idejja huma marbutin imma ninsisti miegħu kemm niflaħ li ma jistax iħalli lill-innoċenti jbati minfloku u li jeħtieġ jagħmel li jista' biex jarah liberat."

Jiġifieri raġel li għandu l-aids u fil-qrar jistqarr li baqa' jkollu relazzjoni sesswali ma' martu bla ma taf xejn, il-qassis għandu jibqa' sieket? "Le s-saċerdot jipprova jġiegħlu jifhem is-serjetà tal-ħsara li qed jagħmel, u jipprova jwasslu sabiex jieqaf billi jgħinu jfittex terapija etċ." Imma jekk ma jkunx irid? "Le ma nistax nikxfu."


Meta saqsejnieh il-mistoqsijiet ta' hawn fuq, Fr Brendan qalilna li ma jistax juża l-informazzjoni li tkun ħarġet fil-qrar għad-detriment ta' min qerr. "F'dawn il-każi kollha, jekk min qed iqerr huwa l-istess bniedem li qed jagħmel id-dnub, idejja marbutin. Ma nistax nuża dik l-informazzjoni għad-detriment ta' min qerr. Li nista' nagħmel huwa li nipprova nikkonvinċih ipatti għall-ħsara li qal li qed jagħmel billi jfittex terapija, jammetti l-ħtija tiegħu biex jeħles lill-innoċenti etċ. Nista' wkoll inżommlu l-assoluzzjoni sagramentali għaliex fejn m'hemmx indiema ta' veru u rieda ta' tpattija għall-ħażen li wieħed ikun għamel, ma tistax tingħata l-assoluzzjoni," jgħidilna Fr Brendan. Iżid jgħid li jipprova jħeġġeġ lil min iqerr, u jinsisti miegħu li jkellmu barra l-qrar biex hu (il-konfessur) ikun jista' juża dik l-informazzjoni. 

Però Fr Brendan jgħidilna li f'każ li l-persuna li tkun qed tqerr tagħtih informazzjoni dwar ħaddieħor, huwa jista' jitlob biex dik l-informazzjoni li qaltlu jaħdem fuqha bil-permess tagħha biss. Itemm jgħidilna li madankollu li jrid josserva l-kanoni u li dik l-informazzjoni ma tintużax għad-detriment ta' min qed iqerr.

No comments:

Post a Comment