Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli ma' Television Malta appellat lill-ġenituri biex ma jimbuttawx lil uliedhom f'konkors tas-sbuħija. Fost oħrajn qalet ukoll li konkors tas-sbuħija ma jservihom kważi għalxejn u qatt ma għandhom jingħataw titli bħal Little Miss Univers jew World. Żiedet tgħid ukoll li l-ilbies li jintuża f'photoshoots ma jkunx addattat għat-tfal.
Wara li Xarabank ħa r-reazzjoni ta' Ivan, fejn esprima d-diżappunt tiegħu għal dak li qalet il-Kummissjarju ta' Tfal, illum tella' filmat fuq Facebook. Fih Ivan Gaffiero jgħid li jixtieq jagħlaq dak kollu li nqala' f'dawn l-aħħar jiem dwar jekk it-tfal għandhomx jidħlu f'festival tal-kant u tal-immudellar.
Ikompli jgħid li għall-bidu ħa l-opinjoni tal-Kummissjarju bħala offiża. "Għall-bidu ħadtha bħala offiża kontra tiegħi u kontra oħrajn li jagħmlu konkorsi bħali. Minħabba li ilni f'din ix-xena u forsi għax nidher fuq it-televiżjoni, dehert ħafna jiena. Però ma niddejjaq xejn u għamilt il-kuraġġ bl-appoġġ li rċevejt min-nies," jistqarr Ivan.
Jispjega li m'għandu xejn kontra l-Kummissarju tat-Tfal. "Jien m'għandi xejn kontra l-Kummissarju tat-Tfal għax jien bniedem li żgur ma nafx nobgħod jew irrid id-deni lil xi ħadd," jgħid Ivan.
Ikompli billi jagħmel stedina lill-Kummissarju: "Jiena nixtieq nistieden lill-Kummissarju għall-attivitajiet bħal dawn u tgħidilna x'hemm ħażin u x'hemm tajjeb. Qatt ma tista' tgħajjar bniedem jew toħodha kontra bniedem meta inti lanqas biss tkun hemmhekk u tara filmati ta' barra minn Malta. Jiena stess nikkundanna l-konkorsi ta' barra minn Malta għax ikabbru lit-tfal u jagħmlulhom ħafna ħsara."
Jispjega kif fil-kumpanija hemm ħafna dixxiplina u kif kien hu stess keċċa u skwalifika lil tfal li kienu lebsin diżonest." Itemm jgħid li l-pika, li kienet irreferiet għaliha l-Kummissarju tat-Tfal, teżisti kullimkien.
![]() |
Ritratt: Pauline Miceli (Malta Today) |
Hija qalet li ntalbet tagħmel kumment ġenerali għall-konkorsi li fihom jiġu mbuttati t-tfal ovvjament bil-kunsens tal-ġenituri. "L-Uffiċċju tiegħi jimxi dejjem fuq il-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal kif insibu fil-Konvenzjoni tad-Drittijjiet tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda u li Malta ilha s-snin li rratifikat. Nifhem li l-ġenituri jkunu jixtiequ li wliedhom jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Dan jista' jsir billi fl-età tenera tat-tfulija, il-ġenituri jdaħħlu fit-tfal sens qawwi ta' impenn u dixxiplina fit-tagħlim tal-arti u l-performing arts tal-għażla tagħhom. Dan isir permezz tat-tagħlim fi skejjel li kapaċi jmexxu lit-tfal pass pass fl-iżvilupp tat-talenti tagħhom. B'hekk biss tinkiseb il-kunfidenza u l-fiduċja li tista' twassal għas-suċċess. Fil-karriera twila tiegħi fl-edukazzjoni u fil-komunità rajt ħafna wirjiet tat-tfal u naf preċiż x'joffru. Iva, it-tfal għandhom jitħallew ikunu tfal iffukati fuq id-dixxiplina u t-tagħlim jekk tabilħaqq irriduhom jirnexxu. Nappella mill-ġdid lill-ġenituri biex ifittxu l-ewwel u qabel kollox l-interessi tat-tfal u mhux dak mibni biex isostni l-isterotipi u d-dehra," tistqarr is-Sinjura Miceli.
No comments:
Post a Comment