Friday, 15 September 2017
"Kuntenta mmut bħala Raquela llum, milli mmut bħala Richard għada"
Din Raquela. Transesswali. Mill-bank tal-iskola tispiċċa tieħu d-droga li twassalha għall-ħabs u għall-prostituzzjoni. Din hi l-istorja tagħha.
Minn mistoqsija ta' għalliema, toħroġ ir-risposta ta' x'tixtieq tkun. "Meta kont għadni żgħira l-iskola, kelli xi tmien snin u nofs, l-għalliema saqsietna xi rridu nkunu. Jiena għollejt idi u għedtilha li jiena nixtieq inkun mara. Minn hemm infetħu l-bibien tal-infern kollha," tistqarr Raquela.
Minn hemm jibda t-tgħajjir u l-inkwiet. "L-iskola kienu jgħajruni mara/raġel u ommi ma aċċettata qatt li jiena transesswali. Spiċċajt kelli naħrab mill-iskola u mill-istitut. Niftakar kont nilbes ta' mara taħt it-taraġ u meta taqbadni ommi, kont nispiċċa b'xi xebgħa jew teħodni l-għassa u jaqfluni sigħat ġo ċella," tgħidilna Raquela.
Raquela tindirizza lil ommha: "Mhijiex tinduna kemm jiena kuntenta kif jiena u ma nibidilx għad-dinja. M'iniex ħa ngħix ħajti għal ħaddieħor. Kuntenta mmut bħala Raquela llum, milli mmut bħala Richard għada. Jekk ibidluni f'xi ħaġa li jien m'iniex, ħajti mhux se jkollha sens."
Raquela tibda tieħu d-droga u tinqabad mill-Pulizija. "Niftakar li qabduni Paceville fl-04:00 ta' filgħodu. Spiċċajt id-depot, ġabu żewġt iklieb u qaluli biex nitla' fuq il-mejda. Qaluli biex ngħid, "Ferħ ta' pufta għal għaxar darbiet." Dak il-ħabta werwruni u kelli ngħidha."
Dak iż-żmien ta' 15-il sena, Raquela tagħmel għaxart ijiem il-ħabs. Meta ħarġet, kompliet tilbes ta' mara u kompliet tirċievi s-swat mingħand ommha. Tistqarr: "Komplejt nilbes ta' mara, avolja kont nirċievi s-swat għax naf x'ridt. Allura tlaqt mid-dar u tas-16-il sena spiċċajt nagħmilha mal-prostituti."
Raquela, ta' 16-il sena, bdiet tagħmel xogħol ta' prostituzzjoni. "Kienet iebsa. Imma ħassejtni komda għax stajt ngħix min vera jiena. Ma kinitx faċli imma ma rridtx nitlef lili nnifsi. Qatt ma kontx kuntenta imma kont komda." Għall-ewwel Raquel bdiet tmur għall-prostituzzjoni bħala mara imma mbagħad bdiet tmur bħala transesswali.
Lejn l-aħħar ta' tmenijiet bdiet tidħol il-kokaina u Raquela bdiet teħodha bla waqfien. "Kont nonfoq flus kbar. Filgħodu nidħol it-toilet kont nieħu l-kokaina, biex nidħol fil-banju ridt ikolli l-pipa ħdejja u biex nagħmel il-make-up ridt il-pipa ħdejja, fil-karozza l-istess. Jekk kelli magħmudija, ridt imur wara kollona biex nieħu. Hekk kont 24/7."
Minħabba d-droga, Raquel teħel 10 snin ħabs. Iżda l-vizzju tad-droga ma waqafx u ma ħallewhiex tilbes ta' mara. "Bqajt għaddejja nieħu d-droga imma l-aħħar sentenza kienet iebsa. Qabdu miegħi u ma ridunix nilbes ta' mara u ma ridux jagħtuni hormonal treatment. Riedu jdawruni f'ħaġa li jien m'iniex." Fil-ħabs, lil Raquela jitfgħuha mal-irġiel. "Għamilt sitt snin mal-irġiel. L-aħħar erba' xhur, ħamsa, għamilt man-nies biss."
Fil-ħabs Raquela tiddeċiedi li tieqaf tieħu d-droga. "Minħabba li kelli sentenza twila, għedt ma jistax ikun inkompli neħodha. Jekk mhux se nieħu pożizzjoni miegħi nnifsi issa, qatt mhu se nieqaf u jkun tard wisq."
Disa' xhur u nofs ilu, Raquela ħarġet mil-ħabs. Tibda taħdem imma minħabba komplikazzjoni f'saqajha, kellha tieqaf. "Spiċċat ma nistax naħdem għal tul ta' żmien u minħabba karti u karozzi tal-passat li kelli fuq ismi, ma nistax ningħata benefiċċji soċjali." Fi ftit ta' żmien ieħor, Raquela ser tispiċċa tgħix fi triq. "Jiena kulma qed nitlob naqra support għal dan iż-żmien. Jiena nħobb naħdem u nxammar il-kmien biex naħdem."
Iddisprata qed jerġa' jkollha tagħmel ix-xogħol tal-prostituzzjoni. "Mhux ħa niddejjaq ngħid li, f'dawn ix-xahrejn u nofs, kelli nerġa' mmur għall-prostituzzjoni. Mhuwiex tort tiegħi. Niekol irrid u saqaf taħt rasi rrid. Imma ma jistax nibqa' nagħmlu. Inħabbat fejn inħabbat mhux qed insib bibien miftuħin u sa żmien ġimgħa, jekk ma jirranġax l-affarijiet nispiċċa ngħix fi triq."
F'Xarabank f'Ottubru tkompli l-istorja ta' Raquela.
Filmat: Andrew Borg Carbott
Muntaġġ: Chantanne Mackay, Xandru Azzopardi u Andrew Borg Carbott
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment