Thursday, 21 September 2017
"L-Arċisqof irid ipoġġi saqajh fiż-żarbun tal-koppji li ma jistax ikollhom tfal"
Mara li għamlet 4 IVFs u llum għandha tewmin, tistqarr li l-Arċisqof irid ipoġġi saqajh fiż-żarbun tal-koppji li ma jistax ikollhom tfal.
Fl-omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta' Marija Bambina, l-Arċisqof qal li l-ulied m'għandhomx jitqiesu bħala dritt, oġġett li tixtri bil-flus jew li toħloq permezz tat-teknoloġija iżda bħala don. Stqarr li l-Insara għandhom jegħlbu kull tentazzjoni li jgħidu li l-ulied huma dritt. Żied jgħid li għandna nitolbu għal min ma jistax ikollu wlied.
Aħna tkellimna ma' Maria Grech li għaddiet minn erba' IVFs u llum ta' 40 sena għandha tewmin. Tistqarr magħna li ma taqbilx mad-diskors tal-Arċisqof. "Iżżewwiġt ta' 28 sena u għamilna kważi għaxar snin nipprovaw iżda ma stajtx ninqabad. Kieku ma kienx l-IVF, illum ta' 40 sena ma kienx ikolli t-tewmin li għandi llum," tispjegalna Maria.
Tistqarr li t-talb xorta ma wassalhiex biex ikollha t-tfal. "Għamilna 10 snin nitolbu quddiem is-salib u nibki lill-Mulej jagħtini t-tfal imma qatt ma ġew. Imnalla dorna lejn l-IVF. Kieku m'għandniex ix-xjenza, illum aħna m'għandniex it-trabi li għandna llum. Aħna ma għamilna xejn kontra n-natura imma kienet l-IVF li għenet lin-natura biex ikollna t-trabi."
Issostni li l-Arċisqof ma jistax jifhem dak li jgħaddu minnu l-koppji li ma jistax ikollhom tfal. "L-Arċisqof ma jistax jifhem l-uġigħ li jgħaddu minnu koppji bħalna. Kull tarbija li titwieled hija rigal mingħand Alla. Tarbija hija tarbija. L-Arċisqof m'għandux dritt li jitkellem hekk. Huwa mhuwiex Alla għax dak li qal hi l-opinjoni tiegħu. Ilni ma mmur il-Knisja għal snin twal minħabba l-kliem li jintqal. Minflok qed jiġbdu n-nies lejn il-Knisja, qed iwarrbuhom."
Ittemm tgħid: "Jiena u nħares lejhom, nirringrazzja lil Alla għax huma rigal mingħand Alla imma ġew bl-għajnuna tax-xjenza. Li titlob kultant mhux biżżejjed u trid tieħu azzjoni. Aħna ħadna azzjoni u rnexxielna. Jekk mhuwmiex pjan tal-Mulej mela għalfejn qegħdin magħna llum?"
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment