best deal

Saturday, 23 September 2017

Nhar is-Sibt se jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom




Nhar is-Sibt li ġej Pastor Jide Jetson se jiċċara l-pożizzjoni tagħhom fuq il-programm Overcomers' Voice, fl-16:00pm, fuq l-istazzjon FLiving.




Dan wara li f'programm imtella' minn għaqda Pentekostali, il-preżentatriċi Pauline Attard Abela qalet hekk: "Il-Mulej ma jiħux gost li jsiru atti sesswali barra ż-żwieġ. Però jgħidilna li l-aħjar u l-proprja ħaġa li l-Mulej ħalaq huwa li dan isir fiż-żwieġ. Allura fuq dan il-punt, kemm hu iktar ikrah li raġel fiż-żwieġ jew mara fiż-żwieġ tikkommetti adulterju barra (extra). Kemm huwa importanti li r-raġel ifittex lill-mara u li l-mara tfittex lil żewġha. Għalhekk niftakar fl-ewwel lezzjoni li aħna għamilna... kemm huwa importanti, u hawnhekk se nerġa' nefasizza, li l-mara ma tirrifjutax lir-raġel tagħha biex ma tagħtix lok li r-raġel tagħha jħares lejn nisa oħra. Għaliex sfortuntament dik hija xi ħaġa li huwa iktar bżonn għar-raġel forsi iktar mill-mara imma l-mara trid tkun hemm għal żewġha. Għalhekk nippreservaw il-purità fiż-żwieġ tagħna."

Għaldaqstant għadd ta' nisa ressqu ilment uffiċjali lill-Awtorità tax-Xandir għaliex qiesu dawn il-kummenti sessisti u allarmati.

Dr Nicholas Briffa (Sesswologu)
Dwar dan aħna tkellimna mas-Sesswologu Dr Nicholas Briffa li spjegalna li jekk wieħed jiġi rrifjutat, m'għandux ifittex lil ħaddieħor. "Jiena nsaqsi li l-għaliex ir-raġel/mara qed tagħżel li ma jkollhiex rapport sesswali mal-mara/raġel tagħha? L-ewwel ħaġa li jrid jagħmel mhux li jfittex lil ħaddieħor imma jagħmel il-kuraġġ, jikkomunika din il-problema mas-sieħba tiegħu, jara għaliex, jaraw jekk jistgħux isolvuha u jekk le, ifittxu professjonist li għandhom fiduċja fih."

Jispjega kif hemm diversi fatturi li l-għala wieħed jagħżel li ma jkollux rapport sesswali mar-raġel/mara. "Hemm diversi fatturi, li jistgħu jkunu psikoloġiċi, psikjatriċi, relazzjonali, kulturali, mediċi u ormonali," jispjega Dr Briffa. Jistqarr li din is-sitwazzjoni tiġri fiż-żewġ sessi u jispjega li kif illum qed nimxu 'l bogħod mill-idea ta' rwoli ta' mara u rwoli ta' raġel għaliex illum kulħadd huwa msejjaħ biex jaddotta r-rwoli tal-mara u tar-raġel.

Dwar l-aptit sesswali, Dr Briffa jispjega li r-riċerka ġeneralment turi li r-raġel ikollu aptit sesswali ogħla. "Madankolla ma jfissirx li l-mara ma jkollhiex aptit sesswali, anzi ġeneralment il-mara tgħaqqad is-sess mal-emozzjonijiet, ma' li tħossha iktar aċċettata fir-relazzjoni u li tħoss rabta mas-sieħeb tagħha. Avolja ġeneralment huwa hekk, illum il-ġurnata ħafna irġiel qed ifittxu sess li għandu tifsira. Jiġifieri li inti tagħmel sess ma' xi ħadd li tħossok komdu miegħu, li tħossok aċċettata minnu, li tħossok maħbuba u li tħoss li hemm rabta miegħu," iżid jgħid Dr Briffa.

Imma x'inhi mħabba u x'inhu sess? "Illum avolja ħafna nies jagħtu definizzjoni tal-imħabba, ir-riċerka turi li ħafna nies jagħmlu referenza għall-kelma mħabba bħala l-impenn u l-għażla li inti tagħti attenzjoni, kura u importanza lil xi ħadd. B'hekk il-kelma sess ma tibqax biss sess imma ssir espressjoni wiesgħa ta' intimità, jiġifieri li inti tkun trasparenti quddiem xi ħadd," jgħidilna Dr Briffa.

No comments:

Post a Comment