best deal

Monday, 18 September 2017

Nitkellmu ma' raġel li salva tfajla li bdiet tegħreq f'Kemmuna


Oliver Mallia jappella lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni immedjata wara li salva tfajla li kienet qed tegħreq fil-bajja ta' Kemmuna.
Kien is-Sibt li għadda, meta kumbinazzjoni Oliver u martu kienu qed jgħumu fil-bajja ta' Kemmuna u jaraw tfajla qed tegħreq. "Konna qegħdin ngħumu u kien hemm tfajla qiegħda tgħum ftit 'il bogħod minna. Bdejt naraha tielgħa u nieżla. Minħabba li kellha l-maskla bil-pajp, ħsibtha li qed togħdos. Però f'ħin minnhom naraha taħt l-ilma, tgħolli idejha u tipprova tgħajjat għall-għajjut," jirrakkontalna Oliver.

Ma tantx kien hemm ħin biex jaħseb u jmur jgħinha. "Dak il-ħin erfajtha minn taħt idejha u bdejt ngħajjat għall-għajjut. Il-lifeguards għamlu madwar minuta u nofs biex jiġu u t-tfajla wara 10 sekondi kienet diġà bdiet tibla' l-ilma. Żammejtha kif stajt u xħin marilha ftit il-paniku li kellha, żammejtha merfugħa 'l fuq. Xħin waslu l-lifeguards, ħaduha 'l ġewwa u tawha l-għajnuna li kellha bżonn," jgħidilna Oliver.

Jgħaddi ftit tal-ħin u wara jmur ifittex lit-tfajla li salva. "Il-lifeguards spjegawli fejn qiegħda u xħin ratni, għarfitni u bdiet tibki. Bdiet tirringrazzjani li salvajtilha ħajjitha u qaltli x'kien ġara. Spjegatli li kienet fuq il-ponot ta' subgħajha u kif kien il-kurrent li ħadha 'l barra," jirrakkonta Oliver. Jistqarr magħna kif dan l-inċident affettwah. "Kelli trawma fuqi tant li kelli nimxi waħdi madwar Kemmuna u għamilt xi sagħtejn biex ġejt f'tiegħi."

Oliver jappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni. "Kulħadd jaf li hemm il-kurrenti u hija tal-mistħija li lanqas sar xejn. Appellajt lill-Ministru Konrad Mizzi u l-MTA biex jinfirxu tal-inqas 2 iħbula biex jekk jinqala' xi ħaġa, wieħed ikun jista' jżomm magħhom. Jiena ma rrid l-ebda like, proset jew pubbliċità. Kulma ma rrid li tittieħed azzjoni għax hemm ħajja ta' bniedem fin-nofs u meta tara l-mewt quddiem għajnejk, hija esperjenza kerha," jgħid Oliver.

No comments:

Post a Comment