best deal

Saturday, 23 September 2017

Qaħba jien?


Faċilment tgħidha. Imma qatt imxejt fiż-żarbun ta' qaħba? Nafu minn xiex tgħaddi mara biex issir qaħba? X'inhi qaħba? Nafu fiċ-ċert jekk hijiex qaħba jew le? 


Dawn huma l-ideat li nibtu f'moħħ Joe Julian Farrugia u li wasslu biex f'Novembru li ġej jittella' l-monologu Qaħba Jien?


Malli tara r-ritratt tal-faċċata mill-ewwel tistaqsi jekk l-attriċi Sarah Camilleri se tinterpretax karattru ta' qaħba f'dan il-monologu. Però l-mistoqsija mhijiex qiegħda hemm għalxejn. Fil-fatt Sarah tgħidilna ftit x'se tkun f'dan il-monologu. "Jiena se nkun il-vuċi ta' dawk in-nies li mhumiex kapaċi jitkellmu jew jibżgħu jitkellmu. Il-monologu se jgħin lin-nies li forsi qed jgħaddu mill-istess esperjenzi li jidhru fih u se jwassalhom biex jitkellmu," tispjegalna Sarah.

Imma Sarah se tkun qed tinterpreta karattru ta' qaħba wara kollox? Joe Julian Farrugia, li kiteb u pproduċa dan il-monologu, jispjegalna ftit l-istorja. "Dan il-monologu jitkellem dwar mara illi għax in-natura ġabitha mara sabiħa li tiġbed l-attenzjoni, kulħadd irid jagħmilha tiegħu. Din il-mara ġrawlha affarijiet mhux tant li huma sbieħ, fosthom mard fil-familja, u sfat vittma tas-soċjetà aktar minn oħrajn. Kien faċli għal ħaddieħor biex jivvinta fuqha u jaqlagħlha laqam. Għandek l-irġiel li jilagħbuha tal-machos u jgħidu x'għamlu u x'ma għamlux magħna u min-naħa l-oħra għandek in-nisa li jgħiru talli hi mara li tiġbed l-attenzjoni u għalihom hija qaħba."

Meta se nsiru nafu hijiex qaħba jew le? "Waqt il-monologu. Se jkun hemm mumenti illi hi stess tibda taħseb jekk hijiex qaħba jew le. Se tgħidilna l-istorja tagħha u se tiżvoga mal-udjenza dak li qed tħoss. B'dan il-monologu rnexxieli noħloq djalogu, anke jekk huwa silenzjuż, biex l-udjenzja tiddeċiedi hi," jgħidilna Joe Julian.

Imma kif qed tħossha Sarah li qed tidher f'dan ir-ritratt bit-titlu Qaħba Jiena? "Qed iwaqfuni xi nies u jistaqsuni dwaru, però mhux qed taffettwani għaliex qed iħalli kurżità biex in-nies jiġu jarawha," tgħidilna Saraha. Iżżid tgħid: "Mhijiex diffiċli li ninterpreta dan il-karattru imma qed inħoss responsabbiltà kbira għax din hija l-ewwel darba li se nagħmel monologu twil."

Għaliex wieħed għandu jarah? "Għax huwa monologu femminili, emozzjonanti ħafna u kull persuna li ħa tattendi ħa tħossha parti mill-istorja," jgħidilna Joe Julian.

Taħt id-direzzjoni ta' Mario Micallef, dan il-monologu se jitla' fit-3, 4 u 5 ta' Novembru f'St. James Cavalier. 

Wieħed jista' jaqta' l-biljett minn hawnhekk.

No comments:

Post a Comment