Żewġ koppji Maltin nqabdu fl-uragan Irma waqt il-btala tagħhom fl-Istati
Uniti.
Aħna tkellimna ma’ Tricia li tgħidilna li telgħu l-Istati Uniti qabel ma
kienu jafu bl-uragan. “Wasalna Orlando fit-28 t’Awwissu. Konna ppjanati li
nagħmlu għaxart ijiem hemmhekk, imbagħad ninżlu jumejn Miami u naqbdu cruise,” tgħidilna Tricia.
Però wara ftit jiem, jibdew jisimgħu fuq l-uragan. “Bdejna nisimgħu fuq l-uragan Irma
u bdejna nsegwu dak li kien qed jiġri għaliex Miami huwa msemmi bħala post li
jintlaqat ħażin ħafna.”
Fis-sitt jum li kienu Orlando, il-kumpanija tal-cruise liner ħarġet nota li l-cruise
tagħhom ġie kkanċellat għal Miami. Jibdew jaħsbu x’jistgħu jagħmlu. “L-ewwel
offrewlna cruise ieħor li jitlaq tlett ijiem iktar tard milli kien ippjanat u b’rotot differenti. Minflok
iddeċidejna li nqattgħu aktar żmien f’Orlando biex nevitaw il-periklu,”
tispjegalna Tricia.
Madankollu Miami jiġi ddikjarat bħala żona ta’ evakwazzjoni. Ma setgħux
jinżlu hemmhekk u jiddeċiedu li jibqgħu Orlando. “Minħabba li konna se noqogħdu għal aktar jiem f'Orlando, bdejna nfittxu
lukanda. Iżda l-lukandi kienu mimlija minħabba li ħafna nies min-naħa ta’ isfel
ta’ Florida bdew jitilgħu hawn fuq,” tgħidilna Tricia.
Isibu villa u jikruha sakemm jgħaddi l-maltemp. Iżda l-inkwiet baqa’ jiġri
warajhom għax l-uragan kien se jgħaddi viċin ħafna ta’ fejn kienu qed joqogħdu.
“Kien hemm mumenti fejn ikkunsidrajna li
niġu lura imma t-titjiriet kienu wisq għoljin u xtaqt li wara li jgħaddi
l-maltemp inkomplu l-vaganza,” tispjega Tricia.
Joħorġu l-ordnijiet ta’ x’għandhom jagħmlu biex joqogħdu attenti. “Ġejna ordnati li s-Sibt fil-17:00 rridu nkunu
ġewwa, u biex il-Ħadd u t-Tnejn nagħmlu ġurnata sħiħa ġewwa. Iżda għall-grazzja t'Alla l-Uragan għadda lbiraħtlula billejl.”
Quddiem dan l-uragan beżgħu. “Bżajna għax qatt ma għaddejna minn uragan u
l-aħbarijiet kienu qed jenfasizzaw li dan huwa wieħed mill-agħar li qatt raw. Morna
nkellmu lill-ġirien biex naraw x’nistgħu nagħmlu biex inkunu siguri u ċempilna anke
lill-Ambaxxata Maltija f’Washington li tawna l-opinjonijiet ta’ x’nistgħu
nagħmlu,” tgħidilna Tricia.
Tispjegalna li l-ordnijiet li tawhom kienu tlieta; li jkollhom ikel u xorb
biżżejjed għal tlett ijiem, li jkollhom torch
jew tip ta’ dawl għal meta jinqata’ d-dawl u meta jasal l-uragan ma joħorġux barra u joqogħdu ’l bogħod mit-twieqi.
Għalhekk imorru jixtru. Jaslu fil-ħanut u jsibu l-ixkafef vojta. “Meta morna nixtru
l-ikel, sibna l-ixkafef kollha vojta. Hemmhekk trid toqgħod fil-kju biex imissek ftit
fliexken tal-ilma.”
Quddiem din ir-realtà l-familja tagħhom kienu inkwetati ħafna. “Il-ġenituri
tagħna kienu inkwetatni ħafna. Għamlu tlett ijiem jaraw is-CNN.”
Jgħaddi kollox u issa qed jittamaw li llum jitilqu lejn Fort Lauderdale
biex jaqbdu cruise li ġew offruti. Filwaqt li tistqarr li għamlu dak kollu li setgħu biex
jieħdu pjaċir, ittemm tgħid li qed jittamaw li l-aħħar ġimgħa tkun tajba qabel
jiġu lura Malta.
No comments:
Post a Comment