best deal

Thursday, 7 September 2017

AĠĠORNATA: Tifel li twieled f'Malta jaf jispiċċa deportat lejn in-Niġerja



AĠĠORNATA (19:23: Xarabank tkellem mal-Appoġġ li qalilna hekk: "L-Appoġġ m'għandux jaqsam mad-deportazzjoni tat-tifel. Din id-direttiva mhijiex maħruġa mill-Appoġġ. L-Appoġġ qed issegwi biss il-proċedura."



QABEL:

Tifel li twieled hawn Malta, f'Ottubru li ġej hemm ċans kbir li jinfired minn ma' familja Maltija li tatu ħajja ġdida hawn Malta.


Aħna tkellimna ma' John Zammit* li jiġi t-tifel tal-omm li qed tiffosterja t-tifel ta' 12-il sena. Jispjegalna kif it-tifel ġie ffosterjat minn ommu. "12-il sena ilu avviċinaw lil ommi biex tkun fosterer u aċċettat. Illum tiffosterja tifel ta' Niġerjana li wellditu hawn Malta," jispjegalna John.

Jistqarr li ġimagħtejn ilu l-Appoġġ bagħtu għal ommu: "Qalulha li jekk l-omm Niġerjana ma jġeddulhiex il-permess biex toqgħod hawn Malta, minħabba li għadha ma pprovditx il-karti neċessarji, it-tifel jibagħtuh magħha." Jgħidilna li din hija sitwazzjoni inġusta: "Dan it-tifel qatt ma mar f'kontinent ieħor. Dan lilna jarana bħala ħutu u t-tifla tiegħi jaraha bħala z-ziju tagħha. Għadek ma tafx xi tħoss qalbi meta nisimgħu jgħidli "brother". Aħna għammidnieh, għamel il-preċett, qed imur skola hawn Malta u anke jittrenja l-futbol. Hawn sab ħajja ġdida." B'dispjaċir kbir itenni: "Din hija inġusta għax il-familja tkun drat lit-tifel u t-tifel ikun dera lilna. Dan huwa parti mill-familja tagħna u issa qed jgħidulna li hemm ċans li jibagħtuh in-Niġerija."

Jgħidilna li din hija sitwazzjoni differenti għall-adulti: "B'xi mod l-adulti jekk jintbagħtu lura, se jmorru xi mkien fejn huma familjari mal-post. Imma li jeħlu t-tfal u jispiċċaw jintbagħtu huma magħhom f'kontinent li ma jafux il-kultura u r-reliġjon, hija inaċċettabbli. F'pajjiżna spiċċajna rridu nibku għad-drittijiet tat-tfal."

John itemm jgħidilna li s'issa ħadd għadu ma ħa pożizzjoni partikolari: "Ħadd għadu ma qalilna li se jibagħtuhom fi żgur. Madankollu t-tifel jaf b'din il-problema u qed jispiċċa jtemm l-aħħar ġranet tal-vaganzi mdejjaq għax ma jafx x'se jiġri minnu f'Ottubru li ġej."

*John: L-isem ġie mibdul biex nipproteġu l-identità tal-persuna li xtaqet tibqa' anonima.

1 comment:

  1. Bhalu hawn hafna u ma nafx meta il gvern se itihom ic cittadinanza.

    ReplyDelete