best deal

Monday, 25 September 2017

Titkellem oħt Dun Ġorġ...



Miet Dun Ġorġ Grima, il-missjunarju u l-fundatur ta' Il-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu, fl-età ta' 67 sena. 




Aħna tkellimna ma' oħtu Grace, li ma kellhiex kliem ieħor ħlief ta' tifħir għal ħuha Dun Ġorġ. "Bniedem li għamel ħafna għall-Missjoni. Kien bniedem ferrieħi u għamel ħafna karità. Nixtieq li kulħadd ikun bħalu, jiġifieri li jkun qaddis miexi fl-art. Dun Ġorġ qaddis u żgur qiegħed il-Ġenna daqskemm mexa l-missjoni b'saqajh u daqskemm għamel ġid l-Etijopja u l-Brażil.


Tkellimna wkoll ma' Therese Bonnici, li iktar kmieni din is-sena flimkien ma' Dun Ġorġ Grima għamlet il-Kilimanjaro Challenge. Tiddeskrivih bħala bniedem lest biex jgħin lil ħaddieħor. "Ma kontx nafu personali imma kont nafu ftit qabel il-Kilimanjaro għaliex ġieli kien jgħin liz-zija tiegħi, li hija missjunarja wkoll. Huwa ma kienx bniedem li jgħin għall-proġetti tiegħu biss imma jekk jiltaqa' ma' missjunarji jew proġetti oħra, jara x'se jagħmel u jgħin. Kien qaddis miexi fl-art," tistqarr Therese.

Tgħidilna li minkejja li kien marid, baqa' jippersisti f'xogħlu: "Kien ilu marid u baqa' jippersisti biex il-proġetti li kellu jlestihom. Konna ngħidulu biex jistrieħ, imma kien jgħidilna, "Le għax fadalli ħafna x'nagħmel." Xi ħaġa sabiħ hi li meta kien muġugħ, ma kien jeqred xejn."



Tirrakkonta kif kien jiġi milqugħ fil-pajjiżi: "Xi ħaġa li vera impressjonati kienet li f'pajjiżi bħall-Etijopja, in-nies t'hemm għalihom Dun Ġorġ kien qisu papa. Fil-fatt kienu jagħmlulu ċelebrazzjoni, ikantawlu u kulħadd jiġri warajh. Kienu jiġru warajh għax kienu jafu li meta jiġi hu se jagħmlilhom il-ġid. Kienu jħobbuh ħafna avolja r-reliġjoni tiegħu kienet differenti minn tagħhom. Kien jinżel fil-ħmieġ ħdejhom u jżomm it-trabi, u jnaddafilhom wiċċhom."



Iżżid tgħid li ħasset dwejjaq kbar malli saret taf bl-aħbar u ftakret meta f'Jannar li għadda qaltlu li veru xtaqet li terġa' tmur missjoni oħra miegħu. Ittemm tgħid li mhux Malta l-iżjed li tilfet: "Ftit hemm bħalu u għalhekk jiddispjaċini għax nies bħalu mhux daqshekk komuni. Mhux aħna l-iktar li tlifna imma n-nies tal-Afrika u tal-Brażil."

Il-funeral ta' Dun Ġorġ Grima se jsir nhar il-Ħamis li ġej, fil-17:00pm, fil-Bażilika ta' San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex.

1 comment:

  1. Kont fil- klassi tieghu meta kont zghira.Dun Gorg gej minn familja kbira u kien it tieni wiehed fost l-ahwa.Huh il- kbir wkoll kien sacerdot u kienu dejjem jigru ma Dun Manwel.Dun Manwel wkoll ghamel hafna gid gewwa Ghawdwx stess.Nahseb li Dun Manwel gibed lill dawn l-ahwa lejn is-sacerdozju.
    Misperaw li Dun Gorg narawh qaddis ma ndumux.

    ReplyDelete