best deal

Friday, 27 October 2017

BIL-FILMAT: "Dak li bnejna f'għaxar snin, spiċċa f'siegħa" - Chris tal-Wildlife Park


Chris għandu Wildlife Park fl-Imtaħleb li fih irabbi iljuni, tigrijiet, orsijiet, xadini u annimali slavaġġ oħra.



Ta' min jgħid li Chris kellu Wildlife Park għax ftit tal-ġimgħat ilu inħaraqlu kollox u mietulu ħafna annimali. Chris u l-familja tiegħu kienu joqogħdu ġo dar żgħira fil-park stess u man-nar inħarqitilhom id-dar kollha waqt li huma kienu reqdin fiha.

Chris jirrakkonta li dakinhar tat-traġedja qam bħas-soltu fil-erbgħa ta' filgħodu biex jagħti x'jiekol lill-annimali. "Ħriġt barra, ħares lejn ix-xellug u rajt dawl isfar jixgħel. Għal mument ħsibtu bozza tal-Gvern qed titfi u tixgħel qabel ma tmur. Ħarist fuq in-naħa tal-lemin u rajt dawl isfar u għedt, 'Ara hemm bozza oħra qiegħda tmur. Tlajt fuq u kulma naf li rajt balla nar u leopard Buddy jiġri bin-nar fuqu. Dak kien l-ikbar uġigħ. Rajt lit-tifel tiegħi jaqbad u ma nista' nagħmel xejn. Inżilt niġri b'paniku fuqi, bdejt inwerżaq u ngħajjat lill-mara u lit-tfal biex joħorġu 'l barra. Bdejna nipprovaw nitfu n-nar b'fire extinguisher imma n-nar tant kien qawwi li ma kellniex kontroll tiegħu, " jirrakkonta Chris.

Buddy kien wieħed minn żewġ leopard li kellu Chris. "Buddy kien qisu t-tifel. Meta konna nitkellmu fuqu kien qisu parti mill-familja. Spiċċajna ngħidu t-talb għalih. Qabel norqdu, it-tifla titlob għalih għax tgħidli li qiegħed il-ġenna," jistqarr Chris.

Chris, il-mara u t-tfal tilfu d-dar b'dak kollu li kellhom ġo fija. "Kieku ma tbaxxix id-dawl ma konniex nindunaw. Aħna qomna għax tbaxxa d-dawl. Kien ix-xadini, li kienu jiġu fuqna meta konna niġu nitimgħuhom, kollha mietu. Dak li bnejna f'għaxar snin, spiċċa f'siegħa," jgħidilna Chris.

Bin-nar, il-gaġeġ bdew jinħallu u l-iljuni sabu ruħhom barra. "Kien hemm mument minnhom meta dħalt u sibt 'l-iljuni barra. Il-gaġġa dabet, in-nar idur magħhom u huma barra. Kull min kien qed jaħdem hawn, spiċċa bl-iljuni miegħu u meta bdejt nara li l-pulizija kienu se jisprawlhom għal raġunijiet ta' sigura, intervjent u għedtilhom biex jagħtuni ċ-ċans ħalli nirranġa kollox jien," jispjega Chris.

Chris jirnexxielu jdaħħal l-iljuni ġewwa. "Miraklu kien li daħħalthom ġo kamra u l-mument li daħħalthom, il-bieb ingħalqet waħedha u xħin daħlu, kienu siguri. Kien miraklu li bdew jobduni," jgħidilna Chris. Chris jidħol fin-nirien biex isalva l-annimali u dak il-ħin, it-tigri li jirnexxilu jsalva, jiġru fuqu biex jgħannquh. "Dak il-ħin tan-nar, kien hemm tliet tigri li rabbejt jien u ġew jgħannquni. L-emozzjoni li ħassejt dak il-ħin kienet kbira u kienu qishom qed jgħiduli li għandhom is-sigura, u xħin rawni ħadu r-ruħ. Jaqbdek il-biki meta tara tigra, dik il-kobor u tiġi b'dik il-ħniena tgħannqek, jaqbdek biki kbir u xi ħaġa li tagħtik il-kuraġġ biex terġa' tibnih" itemm jgħidilna Chris.

Chris jixtieq jerġa' jibni l-Wildlife Park mill-ġdid. Tista' tgħin billi ċċempel lil Chris fuq 99894659 jew billi tibgħat messaġġ fuq il-paġna ta' Facebook: Wildlife Park Malta.

Filmat u muntaġġ: Mandy Micallef Grimaud

No comments:

Post a Comment