Friday, 20 October 2017
BIL-FILMAT: "Kieku kont għaxar piedi aktar 'il fuq, il-karozza kienet tidħol fija"
Frans Sant, li kien qed isuq ftit metri 'l bogħod minn Daphne Caruana Galizia, jgħid li kieku kien għaxar piedi aktar 'il fuq, il-karozza kienet tidħol ġo fih.
Frans jirrakkonta kif ra l-ewwel splużjoni. "Kont ġej min-naħa tal-Mosta, tiela' t-telgħa tal-Bidnija. Xħin wasalt kważi nofs din it-telgħa, nara karozza ġejja fl-oppost tiegħi. Ma kinitx qed tinstaq b'veloċità qawwija. Fi ħin minnhom din il-karozza li kienet naqra 'l bogħod minni mhux ħażin, xi 50 metru, splodiet, imma l-isplużjoni ma kinitx qawwija," jispjegalna Frans.
Frans jgħid li kien hemm żewġ splużjonijiet oħra. "Kien hemm daħna bajda minn taħt u xi biċċiet mill-karozza. Jiena kont ġa waqaft 'l isfel minnha għax indunajt li ġara xi ħaġa peress li rajt l-isplużjoni. Tlieta/erba' sekondi wara saret it-tieni splużjoni u din kienet tremenda daqskemm kienet qawwija. Xħin qabżet għal ġol-għelieqi, rajt splużjoni oħra imma nimmaġina li seħħet minħabba t-tanker tal-petro," jgħidilna Frans.
Jistqarr li kieku kien ftit 'il fuq kienet teħel ġo fih, "Rajtha ġejja għal ġo fija u dak il-ħin ksaħt mal-isteering u lanqas iċċaqlaqt. F'żewġ sekondi, il-karozza ġiet balla nar tant kemm kienet qawwija t-tieni splużjoni. Il-karozza għaddiet minn miegħi, minn faċċata, u qabżet għal ġol-għelieqi u ġiet ħuġġieġa nar. Li kieku kelli nkun 10 piedi 'l fuq, kienet teħel ġo fija u ma kinitx tkompli taqbeż għal ġol-għelieqi," jgħidilna Frans.
Frans jgħidilna li x'ra mal-art. "Anke biċċiet umani rajt fl-art. Dak il-ħin għedt mela din il-karozza fiha n-nies u għedt li fiha iktar minn persuna waħda. Inżilt biex nipprova ngħin imma ma stajt nagħmel xejn. Sadanittant inqalgħet sinjorina lanqas nafha u għedtilha, 'Ċempel'. Qaltli, 'X'ġara? Ħabtu?' Għedtilha, 'Le. Għadha kemm splodiet din il-karozza.' U għedtilha biex iċċempel l-għassa malajr. F'tliet minuti ġew il-Pulizija," jispjega Frans.
Frans jirrakkonta kif ra lit-tifel ta' Daphne Caruana Galizia ġej. "Ma kontx għaraftha lis-Sinjura Caruana Galizia. Rajt lit-tifel tagħha ġej jiġri u rajtu kkonfondut. Għedtlu,'Taf ta' min hi l-karozza?' Imma ma felaħx ikellimni. Imma mbagħad hu kompla miexi u joqrob lejn in-nar. Imma ma seta' jagħmel xejn għax in-nirien kienu nirien qawwija ħafna. Qed jara lil ommu tinħaraq u ma jista' jagħmel xejn."
Jiddeskrivi lil Daphne Caruana Galizia bħala mara rispettabbli ħafna u ġieli kienet tkun u tieqaf tkellmu.
Filmat u muntaġġ: Mandy Micallef Grimaud
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment