Din hija Victoria, omm ta’ żewġt itfal. Ta’
23 sena Victoria ssir anorexic.
Victoria tgħidilna, “Kien fini naqra ta’
tifla. Għaddieli kumment xi ħadd u weġġagħni ħafna. U l-istorja bdiet li ma
nikolx. Xahar, xahrejn ma nikolx, naħbi l-ikel, nara l-ikel niġi ħażin u ġejt anorexic. Ftit żmien ilu kien
sabni missieri mitlufa minn sensija, ma kontx naf x’inhu jiġri u bdejt nipprova
niġi f’saħħti. Ma kontx niflaħ nimxi u anke beda jaqagħli xagħri.”
Tfiq mill-anorexia u terġa tibda tiekol u tieħu saħħitha
lura. Tibda tuġagħha
ħafna rasha. Kontinwament.
“Meta ġibt saħħti lura, tfaċċat marda kerha.
Dejjem tweġġagħni rasi li nkun irrid noqgħod waħdi, il-kliem li nisma’
jweġġagħni, min jgħajjat inweġġa’, jgħollu d-diski nżomm rasi għax ma nkunx
nista’ niflaħha u tuġagħni ħafna għajni,” tistqarr Victoria.
Lil Victoria jgħidulha li għandha tumur
f’rasha. “Erġajt bdejt proċess ieħor. Lit-tfal għall-ewwel ma għedtilhomx. Lil
ommi ħbejtilha ħafna affarijiet, imma f’Settembru ta’ sentejn ilu kelli
ngħidilha kollox. Ħaditha bil-kbira u niddejjaq naraha hekk għax missieri
hekk miet.”
Victoria tfiq iżda ftit xhur wara terġa’
timrad. “Għaddieli. Erġajt ħadt ħajti lura, bdejt naħdem, nagħmel affarijiet
sbieħ li kulħadd iħobb jagħmilhom u erġajt imradt. Ħadtha ħażina għax ma bsartx
li se jerġa’ jaqbadni. Għedt kif jista’ jkun? Però xorta mhux se naqta’ qalbi.
Insejjaħ lili nnifsi suldata u warrior kbira, li hemm it-tfal li għandhom
bżonni u ħa ngħix għalihom sakemm jikbru u jixjieħu,” tgħidilna Victoria.
Il-ħajja ta’ Victoria tinbidel u magħha
tinbidel il-ħajja tat-tfal. “Il-kbira għaddejja minn mumenti diffiċli minħabba
fija. Nista’ ngħid liż-żgħożija tagħha kienet tad-dwejjaq. Inwaħħal fija nnifsi
kultant. Ngħid għala ġrali hekk? Forsi ma kontx omm tajba biżżejjed?" tistqarr Victoria.
![]() |
Ritratt: Victoria ma' bintha Amber |
It-tifla ż-żgħira taqsamli qalbi meta
tgħidli, “Imma inti ħa tmut?” U dik il-kelma ma niflaħhiex. Ngħidilha, “Jiena
ħa nibqa’ miegħek għal dejjem.” U tgħidli biex nagħmlilha promise. Tiġi tiċċekkjani
billejl biex tara jekk m’iniex okay u dik tweġġagħni ħafna,” tispjegalna
Victoria.
![]() |
Ritratt: Victoria ma' binth Enya |
Il-marda ma twaqqafx lil Victoria milli
timmudella. “Ilni nimmudella mhux ħażin, però jien kif jien bħalissa, le.
Avviċinani Ivan Gaffiero u qalli biex nibda nimmudella, u għedtlu le għax ma
ħassejtnix tajba għal mal-oħrajn. Għamilli kuraġġ.” Tkellimt ma’ ommi,
mal-għarus tiegħi u ma’ Amber, it-tifla l-kbira tiegħi. Hi mhux dak it-tip li
timmudella għax hi totalment differenti u qaltli, “Ejja nidħlu flimkien.” U
għedtilha, “Iva.” Għamlitha biex tarani kuntenta u mhux biex tarani nibki,”
tistqarr Victoria.
![]() |
Ritratt: Victoria tirbaħ Mrs Queen Model Malta |
U Amber u Victoria jidħlu għal konkors u
Victoria tirbaħ Mrs Queen Malta 2017.
Malli tħabbar isimha ħarset lejn bintha u lejn ommha: “Ħarist lejha u lejn ommi
u tajtha bewsa għax huma jgħinuni ħafna biex ma nħossnix waħdi.” Tirrakkontalna
kif ħutha bidlulha d-dar u jagħmlu minn kollox biex jagħmlulha kuntenta.
![]() |
Ritratt: Victoria ma' familtha |
“Għandi xi ħaġa li ddejjaqni ħafna imma dik il-ħaġa ma ddejjaqnix essaċċ għax għandi familja li għalija hi kollox,” ittemm tgħidilna Victoria.
Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott
Kuragg.Dawn huma affarijiet li ma ngibuhomx b'idejna.Alla ghandu pjan ghalina.
ReplyDelete