Rita u Sylvana, żewġ nisa li għaddew mill-kanċer tas-sider u llum huma ta' ispirazzjoni għas-Sinjura Michelle Muscat.
F'Villa Bigha f'Esplora llum tnediet il-Pink October li l-qofol tagħha se tkun il-mixja Pink October Night Walk li għandha t-tema Face Your Fear.
Matul it-tnedija, aħna ltqajna ma' Rita u Sylvana li magħna qasmu l-esperjenza li għaddew minnha biex illum jistgħu jissejħu survivors.
Ritratt: Sylvana |
Lil Sylvana jneħħulha sidirha minħabba r-riskju. "Wara għamilt 5 ġimgħat radiotherapy u kif għadda dan kollu, għamilt il-genetic testing u sibt li għandi 97% li joħroġli kanċer fis-sidri l-oħra. Għalhekk iddeċidejt li nneħħi s-sidra tax-xellug qabel ma joħroġ. Ma ridx nieħu r-riskju, għax jista' jkun li l-ewwel darba kont iffortunata imma t-tieni darba jaf ma kontx inkun u seta' ħareġ iżjed aggressiv b'riskju li joqtolni. Wara li neħħejtu, għamilt sidri mill-ġdid, reconstructive surgery, u issa li għaddew erba' snin, inħossni tajba ħafna."
Tkellimna wkoll ma' Rita li f'temp ta' 3 xhur sabulha 2 kanċers. "F'3 xhur l-ewwel sabuli kanċer f'sidra u mbagħad sabuli fl-oħra. Sirt naf għax aċċettajt li mmur l-iscreening li ġejt mistiedna għalih mid-Dipartiment tas-Saħħa. Ma kelli l-ebda sintomu imma mit-test ħareġ li kelli kanċer. Neħħewli sidri u li tneħħi sidrek hija kerha wisq. Naf min li ma joħroġx mid-dar minħabba f'hekk. Però llum hemm x'tagħmel. Fil-fatt għamilt sidri mill-ġdid u din tgħin għax tħossok tajba estetikament. Minkejja li f'3 snin, għamilt 8 operazzjonijiet, illum inħossni tajba u mimlija enerġija," tgħidilna Rita.
![]() |
Ritratt: Rita |
Michelle Muscat tistqarr li Sylvana u Rita huma ta' ispirazzjoni. "Nisa bħal Sylvana u Rita huma l-ispirazzjoni tal-Pink October għaliex dawn in-nies minħabba li ħadu ħsieb saħħithom u għamlu t-testijiet meħtieġa, illum qegħdin magħna u jinsabu b'saħħithom," tgħidilna Michelle Muscat.
Imma Michelle Muscat tibża' tagħmlu t-test? "Ħafna nibża' li nagħmlu. Kulħadd jibża' li xi darba tolqot lilu għax aħna qegħdin fid-dinja bħal ħaddieħor u għandna bżonn niċċekkjaw lilna nfsuna bħal ħaddieħor. Kull xahar nipprova niċċekkja lili nnifsi fis-shower. L-iktar ħaġa li timpressjonani hi li kull darba li niltaqa' ma' xi ħadd u nisma' l-istorja tagħha, nibdew nehwden fuq dik il-persuna, nibda nħoss is-sintomi u tibda titqanqalni l-biża'. Din il-biża' li rridu nneħħu. Jekk aħna nkunu kapaċi li nneħu l-biża' li niċċekkjaw lilna nfsuna u jekk insibu xi ħaġa u nkunu fil-ħin li nirranġawha, aħna għandna ċ-ċans li nsalvawha. Din hi Face your Fear. Ejjew naffaċċjaw il-biża' tagħna. Ħafna nies jgħidulek lanqas irrid inkun naf u jekk għandi xi ħaġa toqtolni u nibqa’ għaddejja, imma mhux aħjar tkun taf u tieħu l-kura li hemm bżonn?" tgħidilna Michelle Muscat.
Il-Pink October Night Walk se ssir il-Ġimgħa 20 t'Ottubru, u se ssir filgħaxija attaposta. "Il-mixja ħa ssir filgħaxija għal din ir-raġuni: 'Would you rather stay in the dark or put on the light?' Dan biex min jibża' jmur jagħmel it-testijiet ngħinuh jaffaċċja din il-biża' u jmur jagħmel it-testijiet. Il-maġġoranza tat-testijiet jirriżultaw fin-negattiv u normalment min jinstablu kanċer ikun għadu fil-bidu u għalhekk ir-rata li jsalva tkun għolja. Għalhekk min jirċievi l-istedina tad-dipartiment tas-saħħa, għandu jmur jagħmel it-test għaliex il-probabbiltà hi li ma jkollu xejn," tispjegalna Michelle Muscat.
Il-Pink October Night Walk se tibda fid-9.30am minn Villa Bighi Esplora u tispiċċa l-American University of Malta. Wara se jkun hemm it-trasport lura, lejn l-Esplora. L-attivitajiet jibdew fis-6:00pm fejn se jkun hemm science busking, attivitajiet relatati max-xjenza, taħditiet fuq il-kanċer tas-sider u zumba. Kull min se jattendi l-mixja, se jingħata vawċer mingħand Esplora fejn jkun jista' jmur hemm mal-familja tiegħu.
L-għada, jiġifieri fil-21 ta' Ottubru, il-Health Promotion Unit se jorganizza Doctors in the City fi Pjazza Ħelsien, quddiem il-Parlament il-ġdid. Hemmhekk se jkun hemm diversi stands fejn kulħadd jista' jagħmel eżaminazzjoni tas-sider minn tobba professjonali bla ħlas.
Preżenti għall-attività kien hemm ukoll Dr Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman ta' Esplora. Huwa qalilna li bħala Esplora qed jappoġġjaw il-Pink October għax hija forma ta' edukazzjoni relatata max-xjenza, f'dan il-każ edukazzjoni xjentifika immirata l-iktar għal nisa adulti.
No comments:
Post a Comment