Monday, 30 October 2017
BIL-FILMATI: X'għandhom komuni Van Gogh, Hillary Clinton, Britney Spears, Marilyn Monroe u Ġina minn Malta?
Dawn il-personalitajiet u aktar, kollha għaddew minn episodju simili għal dak li għaddiet minnu Ġina.
Ġina hija omm ta' 57 sena. Gina hija magħrufa ma' kulħadd għat-tbissima tagħha. Kull fejn taraha dejjem tidħak u dejjem tiċċajta. Imma dawn l-aħħar xahrejn m'għadhiex tifraħ bħal qabel. Tibda tittraskura d-dar, fejn qabel din kienet iżżommha xummiema. Tissakkar ġewwa u lanqas tibqa' toħroġ tixtri. Il-ħin kollu d-dar rieqda, tiċċassa, dejjem inkwetata, għajnejha miksurin u tibki ta' spiss. Uliedha jmorru d-dar u jsibuha waħedha. Lil uliedha dejjem tgħidilhom li għajjiet u li m'għadhiex tiflaħ iktar. Issa Ġina ilha ġimagħejn ma tinħasel u anke mill-ikel naqset. Ġina qed tqum mat-3:00am u ma terġax torqod. Gina qed tbati minn dipressjoni.
Kif tinduna li dan id-dwejjaq sar kundizzjoni ta' saħħa? Kif taqbdek dipressjoni? Tista' tevitaha?
F'Xarabank, il-Psikjatra Dr Anton Grech jispjega: "Ta' spiss aħna nużaw il-kelma dipressjoni minflok il-kelma dwejjaq. Eżempju "Kemm qed inħossni depressed". Però dipressjoni mhijiex dwejjaq biss. Id-dwejjaq huwa parti naturali fil-ħajja ta' kulħadd. Impossibbli li ma jkollokx ftit tad-dwejjaq, bħalma hu impossibbli li ma jkollokx il-ferħ wara kollox. Dipressjoni taffettwa l-moħħ u l-ġisem b'mod totali. Barra d-dwejjaq, ikollok sintomi mentali bħal nuqqas ta' konċentrazzjoni, nuqqas ta' ħeġġa, nuqqas ta' motivazzjoni u rqad. Ma' dawn ikollok sintomi tal-ġisem bħal, ma jkollokx enerġija, jitħawwadlek l-irqad u anke problemi ta' diġestjoni. Meta bniedem jara li mhijiex kwistjoni ta' dwejjaq biss, f'dak il-punt tajjeb li jibda jfittex l-għajnuna."
Dr David Cassar, psikjatra wkoll, kien spjega li hija komuni f'min ikun għaddej minn xi diffikultajiet f'ħajtu. "Kundizzjonijiet ta' saħħa mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd. Hemm min ikollu ftit dwejjaq li ġġib magħha l-ħajja, però mbagħad hemm tendenza wkoll ġenetika li wieħed iktar jiżviluppa din il-problema. Jekk ikollok biżżejjed stress f'ħajtek, in-nervituri fil-moħħ jinbidlu u jiżviluppaw fi problemi severi ta' saħħa mentali."
Fil-fatt, Abraham Lincoln, Van Gogh, il-Prinċipessa Diana, Hillary Clinton, Britney Spears u Marilyn Monroe, kollha għaddew minn episodji ta' kundizzjoni ta' saħħa mentali.
Jekk inti tbati jew taf lil xi ħadd li jbati minn problema ta' saħħa mentali, Richmond Foundation tipprovdi l-għajnuna li għandek bżonn.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment