best deal

Monday, 30 October 2017

"Jekk il-Knisja qed tgħid li Halloween hija festa satanika, nixtieq nara l-provi" - Jeremy Camilleri


Jeremy Camilleri jgħid li hija idea tajba li t-tfal jilbsu ta' qaddisin għax jistgħu jilbsu kostum iktar makabru minn ta' vampir.


L-opinjonista Jeremy Camilleri jgħid li din hija festa, bħal kull festa oħra. "Halloween hija festa li nħobb ħafna. Jiena trabbejt l-Ingilterra u din kienet ħaġa importanti għalina t-tfal. Din hija festa bħal festi oħra. Bħal min iħobb festa' ta' xi qaddis, hawn min iħobb il-festa ta' Halloween, li hija okkażjoni li min togħġbu, jista' jiċċelebraha," jgħidilna Jeremy.

Isostni li ma jaqbilx ma' dak li tgħid il-Knisja li din hija festa satanika. "Jiena la nemmen f'Alla u lanqas fix-Xitan u xorta niċċelebraha. Ma naqbilx ma' dak li tgħid il-Knisja, li huwa raġunament ta' żmien il-ħaġar. Jiena ilni niċċelebra Halloween xi 35 sena, la qatt ma ġejt ippossedut u qatt ma ġara xejn għax hija festa bħal kwalunke oħra. Issa jekk il-Knisja qed tinsisti li hija festa tal-okkult, dik affari tal-Knisja u lili ma tantx taffettwani."

Iżid jgħid li jixtieq jara l-provi tal-Knisja. "M'hemm xejn sataniku. Jekk il-Knisja qed tgħid li hija satanika, nixtieq nara l-provi li juru li hija satanika. Issa l-Knisja li qed tgħid li hija satanika, trid tgħidilna għalfejn? Jekk tifel jilbes ta' vampir f'Halloween huwa ħażin u jekk jilbes hekk fil-Karnival m'hemmx problema? Daqshekk hija redikola din it-teżi li l-Halloween hija perikoluża. Inbilli t-tfal jieħdu ftit pjaċir ma fiha xejn ħażin."

"Rajt xi posters li l-Knisja qed tagħmel purċissjonijiet tat-tfal biex jilbsu ta' qaddisin. Idea tajba ħafna għax tfal li jilbsu ta' xi qaddis, jistgħu jilbsu kostum iktar makabru minn ta' vampir. Bħalma huwa San Bartilmew li qaxxruh ħaj," itemm jgħidilna Jeremy.




Aħna konna tkellimna wkoll ma' Fr Franco Fenech, eżorċista li jgħid li kien qalilna li fil-jiem tal-Halloween ix-xogħol tal-eżorċisti f'Malta jiżdied b'rata allarmanti. Fr Franco kien appella lin-nies: "Aħsbu fil-konsegwenzi qabel tmissu ma' dawn l-affarijiet tal-okkult. U temmen jew ma temminx, tipprovax. U jekk ma temminx, aktar m'għandekx tipprova għax aktar tkun miftuħa għax-Xitan."

Fr Franco kien insista li l-parties tat-tfal tal-Hallowwen fihom infushom m'għandhom xejn ħażin. "L-unika ħaġa li tinkwetani hi li dawn it-tfal jikbru, jibqgħu f'din it-tradizzjoni u jispiċċaw f'parties li mbagħd ikollhom x'jaqsmu max-Xitan," itemm jgħidilna Fr Franco.

Ara l-intervista sħiħa hawn taħt:



Inti x'taħseb dwar il-festa ta' Halloween? Ikkummenta hawn taħt.

1 comment:

  1. Dejjem skont f'liema kuntest tiċċelebra l-festa ta' Haloween. Jekk tiċċelebraħ f'kuntest ta qima lejn ix-xitan, allura l-knisja għandha raġun. Pero jekk inkunu realistiċi nirrealizzaw li għal-99.99% tal-poplu fid-dinja, Halloween hija biss festa fejn nidħku u niżufjettaw ftit bil-makabrita u dak kollu li normalment jista jbeżża!...x' fiha ħażin b'daqshekk?

    ReplyDelete