Jekk tkun wieqaf fit-traffiku, anke għal aktar minn 25 minuta, xorta ma
tistax tuża l-mowbajl.
“Huwa illegali li wieħed isuq karozza jew vettura oħra waqt li jżomm f’idejh
jew juża mowbajl jew apparat simili li jinżamm fl-idejn waqt li l-vettura tkun
miexja. Dan għaliex il-persuna tkun qed tonqos milli toqgħod attenta u b’hekk
tkun ta’ periklu għas-sigurtà tagħha u ta’ ħaddieħor,” jgħidilna l-Avukat Dr Ramon
Bonett Sladden.
U jekk tkun wieqaf fit-traffiku? Dr Bonett
Sladden jgħidilna li l-liġi ma tagħmilx eċċezzjoni għat-traffiku. “Għalkemm
il-liġi tispeċifika li l-kontravvenzjoni sseħħ meta l-vettura tkun miexja,
wieħed jista’ faċilment jgħid li jekk vettura tkun miexja f’nofs tat-triq iżda
tkun imwaħħla fit-traffiku, din hija xorta miexja. Li karozza tkun wieqfa f’nofs
tat-triq hija l-eċċezzjoni u mhux in-norma,” jgħidilna Dr Bonett Sladden.
Anke jekk tkun imwaħħal fit-traffiku u titfi l-karozza,
xorta illegali li tuża l-mowbajl? Iva illegali. “Jekk wieħed jitfi
l-karozza bil-konsegwenza li joħloq ostaklu għal vettura oħrajn, jissogra li jekk jinqabad, jiġi akkuża li ħoloq ostaklu u jekk
jinstab ħati, jeħel multa ta’ €104.82. Però wieħed jista’ jirrispondi l-mowbajl
hands free jew bil-bluetooth headset,” jispejga Dr Bonett
Sladden.
Jekk persuna tinqabad tuża l-mowbajl waqt li tkun qed issuq, għandek tliet
għażliet. “Għandu l-għażla li jħallas €100 minnufih jew li jidher quddiem
il-Kummissjarju għall-Ġustizzja fit-tribunal tar-reġjun jew jikteb lil-Bord
tal-Petizzjonijiet. Jekk il-Bord u l-Kummissjarju jara li l-persuna kienet qed
tuża l-mowbajl għal raġuni ġusta, jilliberawha," jgħidilna l-Avukat.
Dwar dan,
Glenn Muscat jistqarr hekk: “Irreleventi hux fit-traffiku jew le. Jekk
il-karozza hija sstartjata u qiegħda fit-triq u kull ċertu ħin timxi, m’għandekx
tuża l-mowbajl. Jintuża biss jekk titfa’ mal-ġenb. Għalija kull min joqgħod jitfa’
r-ritratti li qiegħed fit-traffiku, kif iddejjaq imwaħħal u jitfa’ r-ritratti
minn wara l-isteering tas-sewwieqa għandhom jiġu mħarrka! Inkella m’aħna se nitgħallmu
qatt u l-problema tal-użu tal-mowbajl se tibqa’ tiggrava iktar minn kemm diġà
qiegħda gravi. Hemm ħafna breakfast shows
tajbin fuq ir-radju filgħodu. Jiena jżommuli kumpanija tajba.”
Min-naħa
l-oħra, Joe Aquilina qal hekk: “Naħseb li jekk wieħed ikun imwaħħal
fit-traffiku u jwieġeb jew jagħmel telefonata dak il-ħin, m’għandu qatt
jingħata ċitazzjoni. Karozza wieqfa jew miexja bil-mod ħafna qatt mhi se tkun
ta’ periklu għal terzi persuni.”
Inti x’taħseb?
No comments:
Post a Comment