best deal

Wednesday, 11 October 2017

"Jisparaw fuq il-kuġin u nsiru nafu mill-aħbarijiet"


Nicholas, il-kuġin ta' Darren; ir-raġel li ntlaqat minn tir il-Ħamis li għadda fil-Mellieħa, jgħidilna li hi xokkanti li saru jafu x'ġara minn fuq l-aħbarijiet.
Il-Ħamis li għadda, xufier u passiġġier kienu għaddejjin b'vann, meta allegatament persuna mhux magħrufa li kienet wara siġra allegatament sparat tiri t'arma tan-nar fid-direzzjoni tagħhom.

Iż-żewġ persuni wara ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.

Nicholas jispjega kif ma kienx jaf li l-ambulanzi li ra neżlin, kienu sejrin għal kuġinuh. "Kont qiegħed il-ħanut tal-familja u f'daqqa waħda naraw neżlin diversi ambulanzi u vetturi tal-Protezzjoni Ċivili. Dak il-ħin għedt, "Jalla tibgħathielu tajba lil min weġġa'." Ħames minuti wara nisma' lil oħti twerżaq u tgħajjat għax rat li kamra tal-aħbarijiet kienet tefgħet ritratt tal-vann ta' Darren. Xħin imbagħad rajna li l-vann kien miksi demm, mill-ewwel għedna li ġara xi ħaġa," jgħidlna Nicholas.

Nicholas jgħidilna kif sab lill-familja xxokkjata wara li saret taf dan kollu minn fuq l-aħbarijiet. "Morna l-emerġenza u kif dħalna saqsejna għalih. Ħadt qatgħa oħra għax għall-ewwel qaluli li ħadd ma daħal l-isptar bl-isem ta' Darren. Dak il-ħin, bejni u bejn ruħi għedt mela miet. Wara ftit l-infermiera ħaditni u sibt lill-familja kollha hemmhekk. Kulħadd kien ixxokkjat għax saru jafu x'ġara mill-aħbarijiet u mhux mill-Pulizija."

Nicholas jappella lill-midja biex tkun iktar sensittiva u tagħmel pass lura. "Il-Pulizija għandhom ikunu huma li jinfurmaw l-ewwel lill-familja u qabel ma jiġu infurmati, l-ebda kamra tal-aħbarijiet m'għandha tpoġġi l-aħbar fuq il-midja għax tikkawża ħsara enormi. Illum il-ġurnata jiena għext din l-esperjenza u baqgħet ġo fija. Grazzi talli intom ma għamiltux bħalma għamlu midjas oħra," itemm jgħidilna Nicholas.

No comments:

Post a Comment