Friday, 20 October 2017
L-aħħar telefonata li Franco Debono kellu ma' Daphne Caruana Galizia
L-Avukat Dr Franco Debono jgħid li bl-aħħar telefonata li kellu ma' Daphne Caruana Galizia, spiċċaw bit-tajjeb.
Daphne Caruana Galizia kkritikatu ħafna drabi, però Franco Debono jgħidilna li bl-aħħar telefonata spiċċaw bit-tajjeb. "Oriġinarjament, ġieli kitbet kummenti pożittivi fuqi imma mbagħad meta ħadt ċerti pożizzjonijiet, ikkritikatni u ġieli kienet ħarxa u inġusta fil-konfront tiegħi. Però ironikament l-aħħar telefonata li kelli ma' Daphne kienet xi xahar u nofs ilu. Kumbinazzjoni, kif kien jaf kulħadd, kellna pożizzjonijiet simili fl-issue tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u kienet ċemplitli, niftakar kont Amsterdam, biex tistaqsini jekk nistax nagħtiha xi informazzjoni," jgħidilna Franco Debono.
Iżid jgħid, "It-telefonata żviluppat u bdejna nitkellmu fuq il-vloggs li kont qed nagħmel jien, u bdejna nitkellmu kif dawn jilħqu ċerti udjenza. Imbagħad għedtilha, 'Isma' Daphne la ċempilt u qed nitkellmu, inti tgħid ċerti affarijiet li taf li mhumiex veri u taf li tgħidhom biex iddejjaqni...' Qaltli, 'Għandek raġun. Ħa nieqaf.' U din għadha qed tidwi ġo widnejja u din żammitha għax minn dakinhar 'l hemm ma reġgħetx kitbet darb'oħra fuq affarijiet li għedtilha li ma kinux veru u li jdejquni. Allura filwaqt li tista' tgħid li kitbet diversi affarijiet mhux pjaċevoli fil-konfront tiegħi, spiċċajna bit-tajjeb," jistqarr Franco Debono.
Jgħidilna li huwa minn dejjem emmen fil-libertà tal-espressjoni, anke meta kienet tattakkah. "Faċli tgħid li temmen fil-libertà tal-espressjoni, imma turi veru kemm temmen fiha meta inti stess tkun taħt attakk. Jiena meta kont taħt attakk taf x'għamilt? Ippreżentajt mozzjoni fil-Parlament biex jitneħħew il-libelli kriminali. Madankollu, il-libertà tal-espressjoni mhijiex assoluta, hemm il-limitazzjonijiet ukoll għal-libertà tal-espressjoni, ma tistax taqbad tgħid li trid u tgħid fuq kulħadd," jgħidilna Franco Debono.
Franco Debono jirrakkonta kif kien ħabib tiegħu li bagħatlu fuq Facebook dwar l-aħbar. "Bagħtli wieħed, ħabib tiegħu fuq Facebook. Sadanittant l-aħbarijiet kienu għadhom deħli u qalli, 'Smajt fuq x'ġara lil Daphne?' Għedtlu, 'Le ma smajtx.' Dak il-ħin qalli, 'Ħarqulha l-karozza.' U r-reazzjoni spontanja tiegħi kienet, 'Allaħares. Nispera li le.' Xħin sirt naf li nqatlet, kelli dispjaċir kbir għax mhumiex affarijiet li wieħed jieħu gost bihom. Kien xokk, fis-sens, aħbar li tidħol dak il-ħin u taħsdek. Dan, iżda, bl-ebda mod ma jista' b'xi mod jiġġustifika l-qtil ta' ġurnalist," jistqarr Franco Debono.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment