Nickie De Fremeaux tistqarr li ma terġax tagħmel l-esperjenza li kellha matul il-kampanja għall-ħatra ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt Xarabank, Nickie Vella De Fremeaux tgħid: "Ngħidlek le, ma nagħmilhiex. Kien hemm ħafna stress fuq il-familja u kellna nagħmlu ħafna sagrifiċċji. Jiena minn dejjem kont persuna pubblika, ngħin lin-nies bi bżonnijiet soċjali, nisa msawta imma l-kampanja kienet xi ħaġa negattiva minħabba dak li kienu qed jgħidu n-nies. Però llum kburija li qiegħda hawn u li r-raġel tiegħi sar il-Kap tal-Oppożizzjoni. Bħala persuna minn dejjem kelli opinjoni u se nibqa' ngħin lin-nies."
Meta mistoqsija x'ħasset ftit minuti wara l-ġurament tal-ħatra bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Vella De Fremeaux tgħidilna li kienet inkwetata fuq l-imġiba tat-tfal. "Però għadni qed ngħix f'ħolma u lanqas naf x'laqatni," iżżid tgħid Nickie Vella De Fremeaux.
Spjegatilna li Adrian Delia kien jgħidilha li jrid joħroġ għall-politika. "Kien jgħidli xi darba noħroġ għall-politika u jiena kont ngħidlu li jekk toħroġ, nitilqek. Illum żgur li ma nitilqux avolja ħareġ għall-politika. Meta l-Partit Nazzjonalista għadda minn żewġ telfiet kbar, għedtlu li huwa biss jista' jsalva l-Partit," tgħidilna Nickie Vella De Fremeaux. Tispjega li ma kinitx taf li se jirbaħ l-elezzjoni għall-ħatra ta' kap tal-Partit Nazzjonalista. "Kont mija fil-mija li se mmur lura d-dar u ngħix ħajja normali."
Dwar li l-għala għalqet Facebook, Nickie tistqarr li ma għalqitux minħabba l-politika. "Għalaqtu meta Adrian iddeċieda li joħroġ bħala kandidati. Bdejt nirċievi messaġġi ta' theddid fuq it-tfal u fuq ir-raġel, u ma flaħtx in-negattività. Jiena kelli post natal depression u għedt m'għandix bżonn in-nies jgħiduli dawk l-affarijiet u għalhekk għalaqtu."
Ritratt: PhotoCity Malta
No comments:
Post a Comment