best deal

Saturday, 14 October 2017

"Min isawtek l-ewwel darba, jibqa' jsawtek" - Ruth



Ruth, mara li sfat vittma ta' swat, tistqarr li min isawtek l-ewwel darba, jibqa' jsawtek.


F'Xarabank, Ruth tirrakkonta kif kienet tissawwat mill-eks tagħha. "Konna l-quddies u minħabba li kelli 3 xhur tqala, il-ħwejjeġ kienu qed jiġuni ssikkati u lbist qmis minn tiegħu. Waqt il-quddies, beda jgħidli, "Dik tiegħi! Min qabdek tilbisha?"," tistqarr Ruth.

Tgħidilna li wara li ħarġu mill-Knisja, beda jimbuttaha u fi triq imwarrba beda jsawwatha kemm jiflaħ, filwaqt li pprovat tipproteġi lit-tarbija. Iżżid tgħid li kellha biss 17-il sena u s-swat mingħandu baqa' jikber. Ruth titlef it-tarbija.

Tistqarr li dan l-abbuż ħalla l-effetti tiegħu: "Ma nistax nidħol f'toilet waħdi, anke ġo restorant. Fil-fatt jidħol miegħi r-raġel għax nibda nibża' li se nissakkar għax li l-eks kien isakkarni ġo toilet f'appartament żgħir." Tistqarr li minn dan l-abbuż rat il-mewt u s-swat kien wieħed mentali u anke fiżiku. "Min jabbuża, jibda jkissrek mentalment għax kien jgħidli li m'iniex sabiħa u tajba," tgħidilna Ruth.

"Darba kien qed isawwatni u ħriġt mill-appartament. Jiena u ħierġa nara lil din it-tifla li kienet toqgħod taħti. Daret lejja u qaltli, "Terġax tiġi għax se joqtlok." Imxejt fi triq u ġabbarni missieri li kien għaddej bil-karozza minn dik it-triq," ittemm tgħidilna Ruth. Ruth baqgħet tiftakar dak li qaltilha dik it-tifla, dak iż-żmien, u tixtieq tiltaqa' magħha. Jekk inti dik it-tifla, inħeġġuk tagħmel kuntatt magħna fuq 21249200.

Xarabank se jkompli jiddiskuti l-vjolenza u l-abbuż fil-ġimgħat li ġejjin.

Ritratt: PhotoCity Malta

No comments:

Post a Comment