Wednesday, 18 October 2017
Moira trid il-klieb fl-uffiċini
Moira Delia, magħrufa għall-ħidma tagħha favur id-drittijiet tal-annimali, qalet li kieku kienet CEO ta' kumpanija tagħmel b'mod obbligatorju uffiċini li jaċċettaw il-klieb.
Moira tispjega li f'intervista li saret mit-Times of Malta ġiet mistoqsija din id-domanda: Kieku jkollok tagħmel xi ħaġa obbligatorja bħala CEO ta' kumpanija, xi tkun? "Jiena għedtilhom li kieku nagħmel uffiċini li jaċċettaw il-klieb fihom. Peress li meta nsiefer ġieli rajt dan l-ambjent u lill-impjegati rajthom iktar kuntenti, deherli li naħseb hekk. Madankollu ħafna ħasbu li qed nimbotta din l-idea, pero' din kienet biss l-opinjoni tiegħi li xtaqt naqsamha mal-qarrejja."
Proprju għażlet kelb u mhux annimal ieħor minħabba r-relazzjoni li teżisti bejn is-sid u l-kelb. "Il-kelb huwa l-iktar annimal viċin tal-bniedem u għalhekk issuġġerixxejt hekk. Kelb jekk tagħtih iċ-ċans, huwa leali lejn is-sid tiegħu u jrid jogħġbu. Kelb qatt ma jissepara jew jabbanduna lis-sid tiegħu u kulma jagħmel, jagħmlu miegħu għax dan huwa l-istint naturali tiegħu. Kelb ikun irid jgħix sal-aħħar mas-sid tiegħu u b'hekk il-klieb ibatu meta jiġu abbandunati," tgħidilna Moira.
Lura għall-opinjoni tagħha. Xi jiġri f'każ li persuna tkun tibża' jew tkun allerġika? "Meta jkun hemm xi ħadd allerġiku, l-affarijiet iridu jittieħdu iktar b'serjeta'. Il-kumpanija trid tirrispetta lil min jibża' mill-klieb. Taħsbux li ma nħossx u ma nirrispettahomx, anzi nixtieq li xi darba li ma jibqgħux jibżgħu u jersqu viċin ta' kelb għax huwa annimal li ġid biss jista' jġib miegħu u qatt ma jġib deni. Wieħed għandu jinforma lill-kumpanija li għandu allerġija jew biża', u min-naħa l-oħra anke l-impjegat għandu jistaqsi lil min se jħaddem ħalli jsib alternattiva oħra," tispjegalna Moira.
Tgħidilna li b'kelb f'uffiċċju, persuna tirrilassa mill-istress tax-xogħol. "Meta persuna taħdem f'uffiċċju għal sigħat twal se jkollha ħafna stress. Persuna li toħroġ tixgħel sigarett biex taqta' mill-istress, minflok tista' tmelles il-kelb u dan se jagħmillha iktar ġid għax filwaqt li inti tirrilassa, il-kelb se jurik kemm hu kuntent. Bla dubju, il-kelb m'għandux jitħalla marbut u jrid ikollu bitħa biex joħroġ, sodda, ikel u ilma."
Imma ma taħsibx li kelb itellef lill-persuna f'xogħolha? "Jiena din għextha. Inti bħala s-sid tiegħu, taf il-ħin ta' meta l-kelb irid joħroġ u jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Għalhekk meta tieqaf għal kafe', fl-istess ħin tista' tara jekk għandux bżonn jixrob jew jiekol, jew jekk għandux bżonn jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Hekk l-impjegati qed jaħdmu iktar għal qalbhom għax inti għandek kelb li mhux qiegħed 8 sigħat id-dar waħdu imma minflok qiegħed miegħu, u qed joħroġ u jidħol miegħu d-dar," tgħidilna Moria.
Inti taqbel li l-uffiċini għandhom ikunu miftuħa għall-klieb?
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
L-annimali nhobbhom imma nahseb ghal kollox hemm hinu u postu. Nistghu nibdew niehdu t-trabi ghax-xoghol ukoll mela, flok inhalluhom man-nanniet, nannies jew child care. Come on!
ReplyDelete