best deal

Friday, 27 October 2017

Natius jispira ruħu minn Ivan Bartolo u se jagħti kilwa



Natius Farrugia jispira ruħu minn Ivan Bartolo u se jagħti kilwa.



Ivan Bartolo ftit tal-ġimgħat ilu ta kilwa lil xi ħadd li lanqas biss jafu.

Ivan Bartolo, li llum huwa deputat fil-Parlament Malti, u kien qed jagħmel house visits għall-elezzjoni tal-Kunsill u daħal għand familja li kellhom wieħed għandu bżonn kilwa. "Kien hemm mara u t-tifel tagħha kellu bżonn kilwa u impressjonatni. U bqajt naħseb fuqha. Kont qiegħed Medjugore u rajt kuruna, ħsibt fih u xtrajthielu. U x'kumbinazzjoni, dan il-bniedem ċempilli u qalli li qiegħed Lourdes u se jixtrili kuruna," jgħidilna Ivan Bartolo.

F'dak il-mument Ivan iddeċieda li jrid jgħinu. "Ġejt lura Malta u ddeċidejt li nagħtih il-kilwa jien. Għedtlu li sibtlu xi ħadd li jagħtih kilwa u morna l-isptar għat-testijiet flimkien. Baqa' jistaqsi min hu u fl-aħħar għedtlu li huwa jien," jirrakkontalna Ivan Bartolo. 


Però ma setax jagħtihielu għax il-kliewi ma qablux. "Imbagħad għedt 'issa la bdejt it-testijiet nibqa' sejjer u nagħtiha lil xi ħaddieħor.' U tlabthom biex nagħtiha lil xi ħadd li l-iktar għandu bżonnha. Issa jiena kont nibża' mill-injections," jgħidilna Ivan Bartolo. U wara ħafna testijiet għamlu l-operazzjoni u l-kilwa ta' Ivan llum qiegħda għand ġuvni jismu Josmar. "L-ewwel ħaġa li smajt malli qomt kienet xi ħadd jgħidli li l-kilwa diġà qed tiffunzjona. Ftit affarijiet tawni sensazzjoni f'ħajti, però dik kienet kbira wisq," jistqarr Ivan. Iżid jgħid li llum iħossu tajjeb ħafna.


Omm Josmar, Marina, kienet se tagħti kilwa lil binha. "It-tifel kellu infezzjoni fi griżmejh, niżlet fil-kliewi u kellu kidney failure. Dak il-ħin ħassejt li jien wellidtu, u jien ridt nerġa' nwelldu, u kont lesta li nibqa' fuq irħama jien, bast nsalva lilu. Ridt nagħtih il-kilwa jien. Għamilna t-testijiet kollha u qablet u konna qed nistennewhom jagħtuna d-data tal-operazzjoni. Imbagħad ċempluli, u minflok tawna d-data tal-operazzjoni qaluli li mit-testijiet irriżulta li għandi tumur fil-kilwa. Dak il-ħin id-dinja kienet qisha spiċċat," tgħidilna Marina.


"Dak il-ħin li qalulna li sabu kilwa għal Josmar, ħassejna biża' u ferħ f'daqqa. Ivan impressjonani l-iktar għax ma qal lil ħadd. Żammha sigrieta. U huwa faċli tagħti kilwa lil ibnek... imma lil xi ħadd ma jiġix minnek mhux l-istess!" tgħidilna Marina. Marina u Josmar jagħmlu appell. "Nixtiequ li aktar nies jispiraw ruħhom mill-att erojku ta' Ivan u jagħtu kilwa huma wkoll. Bniedem jgħix b'kilwa waħda," itemmu jgħidu Ivan u Marina.


Natius ispira ruħu minn din l-istorja u se jagħti kilwa huwa wkoll. "Ivan jispirani. Kien hemm ħabib tiegħi li kellu kidney failure snin ilu. Konna l-iskola flimkien u bdejt it-testijiet biex nagħtihielu. Din tinvolvi sagrifiċċju kbir, dieta u ħafna affarijiet oħra," jgħidilna Natius. 


Itemm jgħidilna li jekk jirriżulta li l-kilwa tiegħu ma taqbilx mal-ħabib tiegħu, se jagħtiha lil xi ħaddieħor xorta.


Ritratt: Andrew Borg Carbott

1 comment:

  1. Ahna wkollmghamilna dan il gest nobbli meta ghal gharrieda kellna tracedja fill familja.

    ReplyDelete