best deal

Monday, 16 October 2017

BIL-FILMATI U R-RITRATTI - Splużjoni: Daphne Caruana Galizia tinqatel fi splużjoni

AĠĠORNATA: Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li llum seħħ qtil politiku.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet li Dr Adrian Delia ta lill-midja stqarr li llum seħħ qtil politiku, dak ta' Daphne Caruana Caruana; persuna li kixfet l-akbar skandli ta' korruzzjoni f'pajjiżna, fosthom l-iskandlu tal-Panama. Żied jgħid li dak li ġara llum huwa l-agħar qtil politiku minn meta nqatel Raymond Caruana. Filwaqt li stqarr is-solidarjetà tal-Partit Nazzjonalista mal-familja ta' Daphne Caruana Galizia, żied jgħid li dak li seħħ illum mhuwiex qtil kwalunkwe.



Spjega li dan huwa konsegwenza ta' kollass totali tas-saltna tad-dritt li ilu jseħħ tul dawn l-aħħar 4 snin u li għalih huwa unikament responsabbli l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista matul dawn is-snin ilu jgħid li s-saltna tad-dritt qiegħda titkisser u issa kkollassat.

Sostna li qed jistennew b'effett immedjat li ssir investigazzjoni għalkollox indipendenti u mhux se jistennew investigazzjoni minn nies bħall-Kummissarju tal-Pulizija, bħall-Kmandant tal-Forzi Armati u bħall-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li kienu f'ċentru ta' kritika minn Daphne Caruana Galizia tul dawn l-aħħar snin. Żied jgħid li issa ma nistgħux nafdaw istituzzjonijiet li huma moralment falluti. Qal li llum huwa l-iktar jum ikrah fl-istorja politika ta' pajjiżna, f'dawn l-aħħar 40 snin u mil-lum xejn iktar mhu ħa jibqa' l-istess. Itemm jgħid li jistenna li npoġġu l-ewwel l-interess nazzjonali u s-saltna tad-dritt; jiġifieri il-ġustizzja, il-libertà u d-demokrazija.



AĠĠORNATA:

L-Arċisqof ta' Malta, Charles J Scicluna kiteb: "Great shock and sadness at the brutal murder of Daphne Caruana Galizia. An appeal for a unified resolve to promote true democracy. RIP."


AĠĠORNATA:

Il-President ta' Malta, Marie Louise Coleiro Preca appellat biex lill-poplu biex ikun meqjus fi kliemu.


Fuq il-midja soċjali, il-President qalet: “F’dawn il-mumenti, fejn pajjiżna huwa xxukkjat b’delitt daqshekk faħxi, nappella biex kulħadd ikun meqjus fi kliemu, ma jagħmilx ġudizzji u juri s-solidarjetà ma’ wlied u żewġ is-Sinjura Caruana Galizia. Hekk titlob id-diċenza, u wkoll, sabiex inħallu l-ġustizzja tieħu l-korsa tagħha, fl-aħjar interess tal-familja u d-demokrazija f’pajjiżna."



AĠĠORNATA: Il-Prim Ministru stqarr li l-pajjiż huwa ferm aħjar minn hekk.

F'konferenza li Dr Muscat ta lill-mezzi tax-xandir sostna li l-pajjiż huwa ferm aħjar minn hekk u dak li seħħ illum huwa inaċċettabbli. Żied jgħid li jikkundanna bla riservi dan l-attakk barbaru. Filwaqt li qal li Daphne Caruana Galizia użat kritika ħarxa fuqu, iżda stqarr ukoll li qatt ma jista' juża dan biex jiġġustifika dan l-att barbaru għaliex imur kontra kull dinjità u ċiviltà. Żied jgħid li huwa ta istruzzjoni lill-pulizija u lis-sigurtà biex jieħdu kull miżura u biex il-ħatja jitressqu.


Spjega wkoll li fi qbil mal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Delia, id-diskors dwar il-baġit se jiġi pospost u t-tnejn li huma se jagħmlu stqarrija dwar dak li ġara llum. Kompla jgħid li huwa Prim Ministru ta' kulħadd u s-saħħa tad-demokrazija toħroġ f'mumenti koroh bħal dawn. Temm billi jappella għall-għaqda nazzjonali, u sostna li mhux se jistrieħ qabel ma sseħħ ġustizzja f'dan il-każ għax il-pajjiż jistħoqqlu ġustizzja.


AĠĠORNATA: 


Allegatament l-isplużjoni seħħet f'karozza tat-tip Peugeot 108.

Bħalissa t-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.

Dwar il-każ inħatret Maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet immexxija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.



AĠĠORNATA:

Daphne Caruana Galizia hi l-persuna li mietet fi splużjoni.

Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat se jkun qed jindirizza lill-mezzi tax-xandira fl-:4:30pm.

QABEL:


Qed jiġi rrapportat li persuna mietet fi splużjoni fil-limiti tal-Mosta.
Kien għall-ħabta tal-15:05, meta l-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq il-Bidnija hemm karozza qed taqbad.
Kelliem għall-Pulizija qalilna li fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, membri tal-Explosive Ordnance Disposal tal-Forzi Armati ta' Malta, il-Pulizija u ambulanza. Madankollu, s'issa l-Pulizija ma kkonfermatx jekk hemmx persuna mejta.


Aktar dettalji fil-ħin li ġej.


Ritratt tal-lemin: TVM

Ritratt: Mark Laurence Zammit u Russell Sammut

No comments:

Post a Comment