Il-Malta Union of Teachers toġġezzjona u tiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet li għamlet l-omm li qalet li t-tifel ġie mkeċċi mill-iskola.
Filwaqt li l-unjoni qalet li toġġezzjoni l-allegazzjonijiet tal-omm, żiedet tgħid li mhux se tipprovdi l-ebda dettall fuq il-każ biex ma tesponix lill-istudent. Spjegat li d-direttiva maħruġa lill-għalliema u lil-LSA twettqet biex tħares lill-membri flimken mal-istudenti tal-klassi.
Żiedet tgħid li l-unjoni segwiet din il-proċedura biex tassigura li l-istudent jirċievi s-sapport neċessarju ħalli l-iżvilupp tiegħu ma jiġix imfixkel. Qalet li l-isforzi li twettqu mill-iskola biex tassigura li l-istudent jirċievi l-assistenza meħtieġa u l-protezzjoni għall-istudent u għall-istudenti l-oħra, messhom ġew imfaħħra minflok saru allegazzjonijiet mhux fondati li ma jagħmlu l-ebda ġid, lanqas lill-istudent innifsu.
Min-naħa l-oħra l-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-każ tal-istudent huwa wieħed delikat u segwit kemm mill-iskola kif ukoll minn Uffiċċjal Edukattiv (Inclusion), Service Manager (Inclusion), il-Prinċipal tal-Kulleġġ u anke mid-Direttur Ġenerali li lbieraħ stess ltaqgħet mal-omm u t-tifel fejn semgħet il-każ u tat il-kelma li se tkun qiegħda taħdem fuq il-każ fil-jiem li ġejjin.
Xarabank jemmen li dan il-każ huwa eċċezzjoni, u jirrikonoxxi l-ħidma tal-LSAs, tal-għalliema u tal-iskejjel li jagħmlu xogħolhom b'dedikazzjoni. Xarabank jirriżultalu, anke minn ħafna ġenituri li niltaqgħu magħhom, li l-maġġoranza assoluta tal-LSAs huma persuni dedikati u professjonali. Ta' dan nirringrazzjawhom u ma nixtiqux li dan il-każ ixekkel lil dan ix-xogħol tajjeb ħafna li jagħmlu l-LSAs f'Malta u f'Għawdex.
No comments:
Post a Comment