
Ftit jiem ilu, Sandro u Glen kienu Pariġi fuq vaganza u hemmhekk Sandro ppropona lil Glen biex jiżżewġu.
Glen ma kellux l-iċken idea x'se jagħmel Sandro waqt din il-vaganza fil-belt tal-imħabba. "Sandro pproponieli waqt vaganza li kienet ilha ppjanata xhur. Morna hemm u minn wara dahri Sandro ħaseb sew għall-proponiment. Aħna nsiefru ħafna fuq short breaks u normalment ikollna n-nies magħna u b'hekk rari nsiefru waħedna. Għalhekk Sandro sab l-okkażjoni u ppjanaha sew, tant li ma kellix l-iċken idea," jistqarr Glen.
Glen jgħidilna kif sar il-proponiment. "Sandro organizza photo-shoot u l-fotografu kien jaf bil-proponiment u lejn l-aħħar Sandro niżel għarkupptejh u pproponieli. Dak il-ħin kelli emozzjonijiet kbar li l-ewwel reazzjoni kienet daħka kbira li wasslet għal dmugħ ta' ferħ għax jiena bħala Glen dawn l-affarijiet veru narahom intimi ħafna. Imma Sandro ħadimha tajjeb għax jaf kif jiena u minkejja li saret f'post miftuħ għall-pubbliku u fil-velt tal-imħabba, il-post li għażel Sandro kien veru intimu."
Kif iltaqgħu? "Aħna ltqajna 16-il sena fuq il-palk għax hu jiżfen u jien inkanta. It-tnejn li aħna kellna parti prinċipali f'musical. Imma l-biċċa bdiet meta aħna u sħabna konna miftehmin immorru l-baħar flimkien. Kien id-29 ta' Awwissu għax nibqa' niftakarha. Dakinhar ma tfaċċa ħadd minn sħabna, ħlief jiena u Sandro u aħna ovvjament xorta waħda morna l-baħar. Għamluha apposta għax kienu jafu li konna qed nitkellmu u ppjanawha," jgħidilna Glen.
Meta ħa jiżżewġu? "Il-proponiment sar wara 16-il sena u probabbilment biex nagħmlu xi ħaġa oħra jridu jgħaddu 16-il sena oħra," jgħidilna Glen b'nofs tbissima.
Glen jgħaddi messaġġ lil Sandro: "L-ewwel nett ngħidlu proset ta' kif irnexxielu jaħdem il-proponiment bla ma jien ninduna! 100 points for that. Wara kollox imma nirringrazzjah tas-sapport kontinwu, talli dejjem hemm għalija biex jipprova jifhimni u din biċċa xogħol diffiċli. Bla dubju ta' xejn jien nħobbu u nirrispettah immens."
Xarabank jawgura lil Glen u lil Sandro!
No comments:
Post a Comment