best deal

Thursday, 9 November 2017

Il-bullying wassal lil din l-għalliema biex toħroġ ktieb


Għalliema li għaddiet minn bullying ta' età żgħira tikteb ktieb biex tgħin lil tfal li qed jgħaddu mill-istess sitwazzjoni.



Greta Antignolo tgħidilna xi xtaqet tagħmel wara l-esperjenza li kellha. "Meta kont żgħira kont ġejt ibbulljata u dejjem ridt nagħmel xi ħaġa biex ngħin lit-tfal li jkunu għaddejjin mill-istess sitwazzjoni. Allura meta bdejt nistudja biex insir għalliema ddeċidejt li niffoka t-teżi tiegħi fuq il-bullying. Apparti r-riċerka, xtaqt nagħmel materjal li jintuża fl-iskejjel ta' tfal ta' bejn sitta u seba' snin. Għamilt ktieb bl-Ingliż u bil-Malti, logħba, logħba interattiva, poster b'poeżija, u powerpoints biex l-għalliema jkunu jistgħu jużawhom waqt li jgħallmu suġġetti bħall-Matematika, il-Malti, l-Ingliż ir-Reliġjon u l-PSD, u fl-istess ħin ikunu qed jgħallmu lit-tfal fuq il-bullying. Ma' kull riżorsa li għamilt ħloqt ukoll pjan tal-lezzjoni," tgħidilna Greta.

Il-ktieb li jismu L-Għajnuna hi Prezzjuża, tqisu bħala esperjenza sabiħa. "Kienet esperjenza sabiħa ħafna għax kont naf li qed nagħmel xi ħaġa ta' ġid. Però qatt ma emmint li se jiġi ppubblikat." Greta tgħidilna li dan il-ktieb qed jgħinha tkompli taħdem fuq il-bullying. "Ingħaqqad mal-organizzazzjoni Be Brave u b'dan il-ktieb se nipprova nippromwovi aktar il-ġlieda kontra l-bullying," tistqarr Greta.




Il-ktieb għal min hu? "Il-ktieb huwa għat-tfal li għaddejjin minn bullying, għat-tfal li jibbulljaw lil tfal oħra biex jgħinhom jieqfu u għat-tfal iż-żgħar li m'għandhomx idea fuq il-bullying ħalli jgħinhom biex dan ma jagħmluhx," tistqarr Greta.

Il-ktieb jintlaqat ħafna. "Kelli rispons tajjeb. L-għalliema qaluli li jixtiequ li jkollhom il-ktieb f'idejhom u l-ġenituri qaluli li kellhom bżonn ktieb bħal dan biex jikkonfrontaw il-problema. Hawn għarfien dwar il-bullying imma hemm bżonn li jsir iktar impenn," ittemm tgħidilna Greta.

1 comment:

  1. Very important subject that all educators need to teach the students

    ReplyDelete